Żvinturi ta' pjazza

  • Mar 29, 2018 08:10
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-pjazza quddiem il-knisja ta’ Santa Marija (“l-Qadima”) f’B’Kara tista’ tispiċċa xbieha-mudell tal-pajjiż kollu kemm hu, jekk ma noqgħodux attenti. Semmejtha drabi oħra f’dal-blogg. 

    Messha kienet pjazza sabiħa mifruxa quddiem waħda mill-aktar knejjes qodma ta’ Malta, li qed tipprova tistabilixxi ruħha bħala parroċċa. Il-knisja nnifisha, kif sirna nafu dan l-aħħar, għandha problemi kbar. Il-pedamenti qodma tagħha qed iċedu. 

     Niftakar il-pjazza bħalha art għammiela tal-biedja. Illum, miż-żewġ naħat tagħha, tinsab imdawra b’garaxijiet. Pjazez oħra quddiem knejjes ta’ prestiġju, Malta u barra, għadhom immarkati b’binjiet qodma jew moderni li jagħtuhom karattru. Mhux hawn.

    Forsi bħala rimedju għal dan, fi żmien il-gvern ta’ Gonzi, b’ħafna fanfarri, iċċangaw il-pjazza bi blatiet suwed. Malajr bix-xita dawn inqalgħu. Issewwew għal darba tnejn. Kull darba jerġgħu jinqalgħu.

    Fil-mument li qed nikteb, mill-ġdid jinsabu f’qagħda diżastruża. Il-blatiet qed jinqalgħu minn kullimkien. Inutli nwaħħlu fl-għargħar. Bħallikieku l-binja ta’ pjazza ma jmisshiex tkun imħarsa mill-għargħar.

    ***

    GĦODOD GĦALL-EWRO

    Ikolli nammetti li jħallini biered ħafna mid-diskors entużjast li jsir fi Brussell, anke minn nies ta’ rieda tajba, dwar xinhuma l-miżuri li jmisshom jittieħdu biex tissaħħaħ iż-żona tal-ewro.  Ta’ spiss jieħdu l-argumenti tagħhom ’il bogħod wisq, għalkemm fondamentalment, għandhom raġun f’li jipproponu. 

    Ħlief fuq punt wieħed li għalija hu l-aktar fondamentali. Intesa fis-saga kollha ta’ kif inħmiet ir-riċetta tal-ewro.

    Mhux biżżejjed li tħassel b’mod tekniku, għodod għat-tmexxija tal-ewro u tistenna li għax l-għodod jinsabu hemm, se jitħaddmu f’direzzjoni li hi politikament u soċjalment aċċettabbli. 

    Mela le, hu importanti li jkunu jeżistu l-għodod ta’ tmexxija. Imma qabel jiddaħħlu, irid ikun hemm qbil politiku dwar kif se jintużaw. Jekk le, aħjar li ma jkunx hemm għodod. Imma din fehmti hi minoritarja... 

    ***

    RACHEL CARSON

    Fil-blogg ta’ qabel dan, ktibt dwar l-istorja kerha tar-rebbiegħa siekta li qed tolqot lil Franza minħabba l-qerda hemm tal-popolazzjoni tal-għasafar, li naqset b’terz fl-aħħar ħmistax-il sena.

    Ħabib tiegħi ċempel biex jgħidli kif qies dak li ktibt bħala plaġjat. Ma ddejjaqtx insir naf li jaqra dak li nikteb imma ħadtha miegħu dwar l-akkuża li għamilli. 

    Fakkarni fil-ktieb klassiku li kienet ħarġet Rachel Carson fl-1962, “The Silent Spring”. Fih, Carson għamlet l-istess argumenti li tqanqlu fi Franza dwar kif il-pestiċidi qed jeqirdu l-ambjent meħtieġ biex l-għasafar u annimali oħra jsostnu ħajjithom.

    Ħafna ħasbu li Carson kien irnexxielha tqajjem kuxjenza effettiva kontra t-taħsir ambjentali. Jidher li marru żmerċ. Il-problemi hemm għadhom. Ħaġa ovvja anzi, li minflok, qlielu.  

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook