SIGURTÀ U TERRORIŻMU

  • Apr 12, 2018 08:36
  • Miktub minn Alfred Sant

    SIGURTÀ U TERRORIŻMU

    Il-kwistjonijiet dwar sigurtà u terroriżmu fl-Ewropa għadhom ma nħallux. Hemm min jgħid li l-mewġa lura ta’ militanti Islamiċi lejn l-Ewropa li kienet mistennija wara li l-ISIS spiċċa kważi mgħattan fis-Sirja, baqgħet ma ħaditx sura f’atti vjolenti ta’ importanza. Oħrajn iqisu li għadu kmieni wisq biex jibdew iseħħu l-attentati mbassra.

    U ssib min isostni li s-servizzi tas-sigurtà Ewropej kellhom suċċessi tajba fil-ħidma li biha qed jipprevedu ċ-ċaqliq lura tal-militanti lejn il-pajjiżi Ewropej li tagħhom huma ċittadini. Fis-skiet jekk mhux fid-dlam, qed jieħdu l-passi “meħtieġa”.

    X’aktarx li għenet f’dil-biċċa, iż-żamma lura tal-kurrenti ta’ immigrazzjoni mil-lvant nofshani bil-ftehim dwar hekk bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija. Sa sentejnilu dawk il-kurrenti kienu qed jitqawwew. Kieku baqa’ jiġri hekk, setgħu joffru skop ħafna aqwa biex il-militanti jinfiltraw lura lejn il-bliet kapitali Ewropej.

    Ikun żball madankollu jekk min jinsab responsabbli mis-sigurtà, hu fejn hu, jibqa’ lura milli jżid kull fejn jista’ l-miżuri ta’ sorvelja, dejjem – wieħed jittama – f’rispett tal-legalità.

    INFORZAR TAL-LIĠI

    Kemm smajna fl-aħħar xhur priedki dwar l-istat tad-dritt, fi sforz isteriku biex jittimbraw lill-pajjiż bħala wieħed “mafjuż”. M’hemmx bżonn titwitterja jew tirritwitterja dwar hekk: ħafna minn dawn l-isforzi mqanżħa huma ta’ nies li jħossuhom imkeċċija mill-Ġnien tal-Għeden għax il-PN tal-imgħoddi m’għadux fil-gvern.

    Imn’alla m’għadux.

    Li jinsew dawn in-nies – ħaġa li turi kemm mhumiex ta’ rieda tajba – hu l-akbar argument li messhom jagħmlu, jekk se nitkellmu dwar “dritt”. L-aqwa falliment tagħna bħala soċjetà mhux li ma nirrispettawx l-istat tad-dritt. Imma li ftit li xejn jimportana mill-inforzar tal-liġijiet.

    Kemm fuq livell ġudizjarju, fejn id-deċiżjonijiet ta’ spiss jittieħdu snin wara li l-ħtieġa għalihom tkun tqanqlet. Kemm fuq livell eżekuttiv, fejn nagħlqu għajnejna għall-abbużi fit-toroq, fin-negozji, fir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini jew fi ħdan il-familji...

    Jaħti għal danil-poter tal-voti waqt elezzjonijiet ġenerali. Kulħadd jibża’ minnu. 

    MINN TLIET KONTINENTI

    Lula fil-Brażil. Guen-Hye fil-Korea ta’ Isfel. Zuma fis-Sud Afrika.

    Kollha eks-Presidenti ta’ pajjiżhom li jew spiċaw il-ħabs jew resqin lil hemm.

    L-akkuża kbira kontrihom: li kienu korrotti fid-deċiżjonijiet li ħadu jew ma ħadux.

    Żgur li ħafna minn dak li tqanqal dwarhom kien imnebbaħ minn kalkoli politiċi ta’ avversarji li ma kellhom l-ebda problema biex jaslu sal-aħħar. Dan ma jispjegax kollox. F’kull ħidma politika, partiġġjana jew le,  il-kalkoli qatt ma jaqtgħu.

    Li jdejjaq f’li jinsab għaddej fi tliet kontinenti, hu donnu l-konferma li l-politika bilfors hi korrotta. It-tliet presidenti ġejjin it-tlieta minn tendenzi politiċi differenti.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook