Inkjesta

  • Apr 19, 2018 08:19
  • Miktub minn Alfred Sant

    Nittama li barra mill-inkjesta maġisterjali u polizjeska li kellha ssir fuq l-inċident tal-waħx li seħħ fix-xarabank turistiku ġimgħa u nofs ilu, qed issir inkjesta oħra ta’ tip amministrattiv.

    Dak li ġara fit-triq ta’ Ħaż-Żurrieq m’għandux jitqies biss bħala fatt orribbli u partikolari, hekk li kull ma għandu jsir hu li jinstab x’mar żmerċ biex wassal għalih. Jista’ jkun riżultat ta’ falliment fil-mod kif namministraw it-tmexxija u l-ħarsien fit-toroq u t-traffiku; kif nilleċenzjaw ix-xarabankijiet turistiċi u min isuqhom; kif nissorveljaw l-impriżi li jservu lit-turisti... u l-bqija.

    Inkjesta amministrattiva tisma’ – b’mod “orizzontali” – lil kull min għandu sehem f’dawn il-ħidmiet u kull min hu relatat magħhom; tqis il-fatturi kollha u tagħti l-ġudizzju tagħha dwar kif nistgħu ntejbu l-operat tagħna fl-oqsma involuti ħalli t-traġedja taż-Żurrieq ma tirrepetix ruħha.

    Eżerċizzju bħal dan joħroġ minn dover morali, mhux biss wieħed ta’ effiċjenza amministrattiva. Għandna l-obbligu li nwettquh, anke b’sens ta’ rispett u sogħba nazzjonali lejn dawk it-turisti u l-familji tagħhom li ġew Malta għal btala u spiċċaw imwerwra, feruti u ħafna agħar.

    *** 

    SUFFARA

    Jien wieħed minn dawk li mhumiex jifhmu xinhu s-sens ta’ min fostna, isostni li l-mara li tgħid li saffret is-suffara fil-każ tal-Pilatus Bank ma tinġabx Malta. Jekk ma tiġix, qatt ma se nkunu nafu l-istorja kollha tagħha. Jew għaliex l-istorja li qalet tidher li qed tikkontradixxi dik ta’ ieħor li wkoll jgħid li saffar is-suffara.

    Jew irridu nafu l-verità kollha dwar il-bank, jew ma rridux.

    Min qed jistaħba wara l-fantasija li kieku kellha tiġi hawn Malta ħajjet is-saffara se tkun f’periklu għalija qed juri li jippreferi li l-verità, hi xinhi, ma toħroġx. Tgħid għaliex?

    ***

    NEMMNU?

    Jiddispjaċini imma għadni m’inix konvint li hemm każ: dwar dak li ġara fl-avvelenament tal-aġent doppju Russu Skripal u bintu; u dwar l-attakk kimiku fuq Douma, allegatament mill-President Sirjan Assad.

    Ma tressqux provi biżżejjed serji.

    L-oġġezzjonijiet ta’ min ħareġ b’verżjonijiet differenti twarrbu bla kumment jew ġew ridikolati.

    L-istqarrijiet tal-“Punent” dwar x’ġara jew ma ġarax baqgħu vagi fuq id-dettalji, dommatiċi fuq il-konklużjonijiet.

    Dan mhux mod kif jiġu ffaċċjati kriżijiet. Ovvja li l-magna ta’ propaganda tal-gvern Russu hi qawwija u taħdem bħal romblu. Tista’ tafdaha?

    Imma l-istess jista’ jingħad, anzi agħar, dwar is-sistema ta’ propaganda tal-“Punent”. Biżżejjed wieħed jiftakar dwar kif tqajmu l-irwiefen kollha kontra l-aramamenti li jeqirdu l-miljuni, li suppost kien qed jiżviluppa Saddam Hussein.

    Snin wara, r-rapport Chilcot fir-Renju Unit wera kif dan kollu kien ħrafa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0