inewsmalta.com



Sqaqien

  • Apr 23, 2018 09:15
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Il-politika Maltija jidher li nqabdet fl-isqaqien tas-soltu magħmula mill-ġlied partiġjan tas-soltu. Imma li qed jiġri hu agħar mis-soltu għar-raġuni li r-regola tar-rebbieħ li jieħu kollox (regola li aċċettajna minn żmien żemżem, ħaġa li dejjem kienet żball) illum wasslet sal-punt li t-tellief – la tilef “kollox”, lest ikisser “kollox”. 

    Qabel, tellief kien jistenna, jaħdem biex jaqleb iċ-ċirkostanzi u jġibhom favurih. Meta jiġri hekk, jerġa’ jirbaħ “kollox” hu, u d-daqqa tkun tiegħu.

    Jidher li dir-rassenjazzjoni, jekk se nsejħulha hekk, kienet mistennija li titħaddem l-aktar mir-rappreżentanti xellugin tal-pajjiż, tal-ħaddiema u n-nies tax-xogħol l-oħra. 

     Illum dawk li jaraw li tilfu “kollox” m’għadhomx lesti jaħdmu mill-qiegħ biex jerġgħu jiksbu dak li jqisu bħala posthom. Forsi t-tkabbir ekonomiku qawwi li baqa’ għaddej qatagħlhom tamiethom. Żball: għax fid-dijalettika ta’ kull ċaqliqa ekonomika qed jitħejja ċaqliq ieħor li jieħu l-pendlu fid-direzzjoni kuntrarja.

    Bħalissa, jidher li qed isiru kalkoli differenti. L-għajta donnha saret: la m’aħniex se naslu, ħalli jinkalja l-bastiment!

    ***

    1968

    Għaddejja fl-Ewropa, speċjalment fi Franza, mewġa ta’ tifkira – biex ma ngħidx nostalġija – għall-ġrajjiet tas-sena 1968, ħamsin sena ilu. 

    Il-gwerra tal-Vjetnam li żbroffat fl-offensiva tat-Tet mill-Viet Kong. It-tqanqil studentesk fl-universitajiet Amerikani u wara Ewropej. Il-qtil ta’ Martin Luther King. Ir-ribelljoni ta’ Mejju fi Franza li pparalizzat il-pajjiż matul ġimgħat sħaħ ta’ rvelli f’Pariġi u għoddha waqqgħet lill-President de Gaulle mill-pedestall fejn kien jinsab. Ir-rebbiegħa ta’ Praga mmexxija minn Dubċek, li kellha tagħti l-ħelsien lill-poplu Ċekoslovakk u nqerdet bl-invażjoni tal-Unjoni Sovjetika, imbeżżgħa li se titlef mill-ispazju strateġiku li kienet tgawdi fiċ-ċentru tal-Ewropa.

    Matul l-1968, xpakkaw it-tensjonijiet li żviluppaw fid-deċennju tas-sittin tas-seklu l-ieħor. Kien qed jimmarka qasma bejn il-ħamsinijiet, pjuttost kalmi u prosperi fejn il-popli tal-Punent irkupraw mit-traġedji tat-Tieni Gwerra Dinjija, u s-snin sebgħin fejn il-kapitaliżmu stejqer u skjara l-forzi li ħolqu l-globalizzazzjoni.

    ***

    LA FEROCIA

    Domt ħafna, wisq, sakemm qrajt sal-aħħar “La Ferocia” ta’ Nicola Lagioia, rumanz b’tema qawwija. Jesplora kif il-kilba imprenditorjali tal-missier fi ħdan familja tferi lill-membri l-oħra tagħha bi tbenġil li ma jistax jitfejjaq. Juri x’jinqala’ meta dan jiġri f’soċjetà fejn jaħkmu l-korruzzjoni u l-omertà.

    L-azzjoni tar-rumanz tiżvolġi f’Bari u l-inħawi ta’ madwar. Jinqabdu tajjeb l-atmosfera ta’ dar-reġjun tassew attrajenti, kif stajt nara s-sajf li għadda meta żortu.  Il-karattri li jlaqqagħna magħhom Lagioia huma kredibbli anke jekk ta’ sikwit wisq teatrali f’imġibithom. 

     Ir-rumanz ġie kkritikat għax miktub bi stil goff u opak. Din forsi sservini ta’ skuża għaliex domt daqshekk biex intemmu. Rebaħ il-premju Strega tas-sena 2015. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook