L-EWWEL TA’ MEJJU... JASON MICALLEF... REBBIEGĦA

  • Apr 30, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-EWWEL TA’ MEJJU

    F’daż-żmien, għalkemm il-manifestazzjonijiet kbar fil-kapitali Ewropej naqsu sew, id-diskors idur dwar il-qagħda tal-ħaddiema. Minkejja li l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea issa rpiljat sew, miljuni ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom għadhom qed jgħixu taħt il-livelli li kienu mdorrija bihom sal-2008.

    Żgur hu li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħafna nies saru aktar iebsa, aktar prekarji. Ftit hemm x’jista’ jsir fuq livell Ewropew biex dil-ħaġa tirranġa f’qasir żmien. Sadattant, it-teknoloġija diġitali -- meħtieġa kemm hi meħtieġa -- għad tista’ tkun il-kawża ta’ aktar tnaqqis fl-opportunitajiet ta’ impjieg.

    Jidher li Malta rnexxielha teħles minn dal-madmad, għalkemm nistgħu qed inkunu ottimistiċi żżejjed f’fehmietna dwar it-titjib miksub fil-qagħda tal-ħaddiema. Ikun tajjeb li l-moviment Laburista jerġa’ jiftaħ diskors li kien tellaq xi snin ilu dwar il-“living wage”.

    JASON MICALLEF

    B’kull apoloġija lil Salman Rushdie u dawk kollha li qattgħu sigħat jiflu l-kitbiet ta’ Jason Micallef, biex imbagħad jikkundannawhom, ma fhimt xejn mill-għaġeb li għamlu. Micallef fisser fehmiet li tista’ taqbel magħhom jew le, imma ma qal xejn ta’ barraminnhawn.

    Min sab l-istil tiegħu offensiv għadu ma qarax dak li jgħidilna regolarment kontributur “imgħallem” tat-“Times” dwar il-kitbiet tas-sinjura Caruana Galizia. Hu għallimna kif id-diskors tagħha xejn ma jista’ jitqies skabruż, indinjituż, ta’ theddid jew mibegħda, fil-kuntest ta’ kif fid-dinja tal-lum, stilisti moderni jesprimu ruħhom, anke b’sens ta’ esaġerazzjoni. Imkien Micallef ma resaq qrib il-mudell ta’ Caruana Galizia fil-mod kif tesprimi ruħek “bil-qawwi”.

    Jekk imbagħad l-ilment hu li Micallef għandu funzjoni publika u jmissu joqgħod attent dwar xi jgħid, l-istess ħaġa jew aktar tgħodd għall-Arċisqof Scicluna, li ma joqgħodx lura milli jgħid tiegħu. Ironikament, x’aktarx li huma t-talin li jridu jneħħu lil Micallef u Scicluna minn posthom li għadhom ftit lura mit-tgawdija tal-benna tal-valuri “Ewropej”.

    REBBIEGĦA

    Jeżistu dubji serji dwar kemm ir-rebbiegħa għadha teżisti tassew. F’pajjiżna ilha li sfat mgħaffġa bejn xitwa li rari tkun kiefra  u sajf li dejjem iressaq il-bidu tiegħu ’l quddiem.

    Jidher li l-istess effett qed jinħass fil-kontinent ukoll: ħabib mill-Ewropa ċentrali qalli kif anke hu nnota li f’daqqa waħda, minn ġranet ta’ kesħa sew, il-klima qed taqleb għal waħda ta’ sajf qawwi.

    Imma forsi xejn mhu jinbidel ħlief li jien u min qed jagħmel dawn l-osservazzjonijiet, kbirna fiż-żmien. Perijodi ta’ transizzjoni, bħal ma hu dak tar-rebbiegħa, bilkemm narawhom għaddejja għax nafu sew fejn se jwasslu. Li jirnexxilna ninnotaw hu l-bidu u t-tmiem ta’ proċess, mhux dak li  jiġri bejn il-bidu u t-tmiem tiegħu. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0