Kien jemmen li l-individwu għandu d-dritt jaqtagħha għalih innifsu

  • Mej 14, 2018 08:34
  • Miktub minn Alfred Sant

    MEWT TA’ 104

    Id-deċiżjoni tax-xjenzat Awstraljan David Goodall li jtemm ħajtu fl-età ta’ 104 snin tqajjem riflessjonijiet interessanti. Nitkellmu ħafna dwar id-dritt għal ħajja ta’ kull individwu imma ftit li xejn dwar id-dritt għall-mewt.

    Minn kliemu, Goodall kien jemmen li l-individwu għandu d-dritt jaqtagħha għalih innifsu kif u sakemm għandu jgħix ħajtu. Minħabba l-età li laħaq għaliha, hu ftit diffiċli li lilu tiċħadlu dan id-dritt, għalkemm ftit huma l-pajjiżi sa issa li jirrikonoxxuh. Id-diffikoltà tqum f’każi fejn l-individwu għadu f’dak li hu (jew seta’ kien) l-iprem żmien ta’ ħajtu. Għandu ħaddieħor jidħol fil-mertu ta’ deċiżjoni ta’ swiċidju “ippjanat” fil-każ ta’ mard mimli uġigħ? ta’ dipressjoni qawwija? jew ta’ kwalunkwe raġuni oħra?

    Hemm ukoll il-punt li l-ebda individwu ma jgħix waħdu. X’influwenza għandhom l-oħrajn fuq id-deċiżjoni li jieħu l-individwu? – kemm biex iwassluh għaliha, kemm biex jgħinuh iwettaqha. 

    Waqt li nifhem u naċċetta d-deċiżjoni ta’ Goodall, m’inix żgur li jista’ jkollna tweġiba waħda għall-problema li hu affaċċja.

    IVF

    Dejjem fuq is-suġġett tal-ħajja: ma nifhimx id-diffikultajiet ta’ min jara ħaġa ta’ barraminnhawn l-idea li embrijuni jiġu ffriżati. Il-kwistjoni hi simili għal dik tad-divorzju: jekk ma taqbilx magħha, tidħolx għaliha imma tipprojbihiex għal ħaddieħor.

    L-ilħna fondamentalisti huma qawwija f’pajjiżna. Forsi qed jerġgħu jagħmlu l-iżball li kienu għamlu dwar id-divorzju. Aktar ma jagħfsu b’mod assolut fuq ir-“raġun” tagħhom, aktar ibiegħdu minnhom sezzjonijiet tal-opinjoni publika. Aktar jifformaw kuxjenzi li għax l-argumenti tagħhom ma jaslux, jaddottaw opinjoni bil-maqlub għal tagħhom. Dan l-aħħar iltqajt ma’ żewġ koppji li fissruli kif hekk ġralhom. 

    Teżisti “best practice” medika ta’ kif isir l-iffriżar u kif jinżammu l-embrijuni ffriżati. Kull ma għandu jsir hu li din il-prattika tiġi segwita u aġġornata maż-żmien. 

     Jekk nieħdu sal-punt loġiku aħħari tagħhom l-argumenti li jintużaw dwar il-qerda tal-embrijuni, dawn għandhom iwasslu biex wieħed jinsisti ħalli tinstab u tintuża mediċina li ma tħalli l-ebda tqala naturali tispiċċa hesrem.

    SANZJONIJIET

    Jekk l-Istati Uniti se jimponu s-sanzjonijiet tagħhom fuq kull min jagħmel negozju mal-Iran, se joħolqu taħwid ġdid fit-tmexxija ekonomika dinjija.

    Diffiċli biex dawk il-pajjiżi li ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-President Trump li jabroga l-ftehim nukleari mal-Iran, u mhumiex se jsostnuha, imbagħad jissottomettu ruħhom għat-twettiq tas-sanzjonijiet li l-Istati Uniti se jerġgħu jimponu fuq l-Iran. Fosthom hemm l-Unjoni Ewropea.

    Jekk is-sanzjonijiet Amerikani jibdew jolqtu wkoll ditti Ewropej li mhumiex marbutin bid-deċiżjoni  – aktar u aktar jekk diġà fetħu kuntratti mal-Iran – il-biċċa se tagħqad b’mod li jikkomplika sew ir-relazzjonijiet bejn l-alleati tal-Punent.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook