inewsmalta.com



Inċentiv għall-investiment

  • Mej 17, 2018 09:30
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Ħafna mill-“investimenti” li nitkellmu dwarhom huma ta’ natura temporanja. Jikkonsistu f’fondi li qed jikkampjaw hawn għal xi żmien u malajr jistgħu jerġgħu jitilqu. Wieħed mis-suċċessi tal-pajjiż fl-aħħar żminijiet kien li ġibed lejh sena wara l-oħra, fondi li ġew joqgħodu bil-wisq wisq aktar minn fondi li telqu. 

    Saru investimenti oħra, dażgur, tat-tip “dirett”, fejn imprenditur itella fabrika jew lukanda u jimpjega n-nies biex iħaddmuha. Investimenti hekk huma aktar ta’ min jixtieqhom għax la jkunu ġew, diffiċli biex jitilqu (sakemm ma jispiċċawx jinbidlu f’appartamenti, bħal ma ġara fi Smart City, wieħed mill-aktar proġetti fażulli li qatt approva gvern Malti.)

    Fil-qafas ta’ gżira ċkejkna bħal tagħna diffiċli tara investimenti hekk resqin minn rajhom. Matul is-snin, kellna noħolqu inċentivi għalihom sakemm jaslu għad-deċiżjoni ta’ investiment. Ikun tajjeb li ssir evalwazzjoni tal-inċentivi industrijali u oħrajn li ngħataw matul is-snin sal-lum.

    ***

    GĦAT-TUL

    It-tkabbir ekonomiku sostnut li għaddej minnu l-pajjiż hu bla preċedent, kemm fil-kobor tiegħu – kemm fit-tul ta’ żmien li baqa’ jirranka. 

     Il-konsegwenzi mhux kollha qed ikunu sbieħ, bħal fiż-żieda tal-kera, it-taħsir ambjentali, l-abbużi sfaċċati fil-bini, fost oħrajn. 

     Effetti oħra għad irridu nifhmu sew x’se jkun l-impatt tagħhom, bħal fil-każ tal-ħaddiema barranin fostna u l-għadd kbir ieħor li se nkunu qed neħtieġu minnhom. Mhux l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li n-nifs ekonomiku nfetaħ minħabba l-preżenza ta’ barranin, bħal fi żmien il-kavalieri u l-Ingliżi. Imma din l-ewwel darba li l-biċċa qed tiġri skont “regoli” neoliberali, fejn is-suq isuq.

    Ma narax li jaqbel jekk konsegwenzi u effetti, tajba jew ħżiena, jitħallew għal rashom biex jitwittew skont l-istess “regoli”. Ikun aħjar jekk jinżamm studju kontinwu u kritiku tal-iżviluppi ekonomiċi u soċjali li jinsabu għaddejja u li jitfasslu pjani għal kif dawn l-iżviluppi jistgħu jiġu ggwidati fl-interess tal-komunità Maltija kollha.

    ***

    DILEMMI EWROPEJ

    Se jittieħdu passi f’qasir żmien biex titkompla sal-aħħar l-għaqda bankarja fi ħdan iż-żona tal-ewro, kif reġa’ nsista l-gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi?

    Se jitwaqqaf Fond Monetarju Ewropew minflok il-Mekkaniżmu għall-Istabbiltà li jeżisti bħalissa, ukoll fiż-żona tal-ewro?

    In-negozjati tal-Brexit se jitwasslu sa tmiem sodisfaċenti?

    Kif u kemm għandhom jitnaqqsu l-fondi dedikati għall-biedja u għall-koeżjoni fil-baġit tal-Unjoni Ewropea fis-snin bejn l-2020 u l-2027?

    Se jintlaħaq ftehim ċar u sod bejn il-pajjiżi membri tal-UE dwar kif jaqsmu bejniethom b’mod ġust il-piżijiet tal-immigrazzjoni?

    Kif se jiġi żgurat li l-“valuri” Ewropej qed jiġu rispettati kullimkien?

    Dawn huma uħud mid-dilemmi li qed taffaċċja bħalissa l-Unjoni Ewropea. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook