inewsmalta.com



Fil-Bavarja

  • Mej 21, 2018 11:29
  • Miktub minn Alfred Sant

    Dak li nqala’ bejn il-Knisja Kattolika u l-gvern tal-istat tal-Bavarja fil-Ġermanja iqajjem spunti kurjużi ħafna. Il-kristjan-soċjali li ilhom imexxu qed iħossuhom daharhom mal-ħajt quddiem l-avvanzi tal-populisti tal-lemin minħabba d-dwejjaq li l-immigrazzjoni baqgħet issostni fil-Ġermanja. U daqt jaslu l-elezzjonijiet...

    Il-gvern iddeċieda li jdendel il-kurċifiss f’numru ta’ stabillimenti statali. Ried, fost kalkoli oħra, li jikkonsolida voti li jistgħu jabbandunawh

    Fost l-isqfijiet u awtoritajiet ekkleżjali tal-Bavarja, dan qajjem kontroversja sħiħa. Huma ħarġu kontra. Imma n-nunzju apostoliku fil-Ġermanja wera wkoll publikament li mhuwiex jaqbel mal-pożizzjoni tal-isqfijiet Bavarjani.

    Il-boxxli dwar x’inhi l-aħjar imġiba fis-soċjetajiet Ewropej tħawdu sew.

    ***

    MANOEL ISLAND

    Il-proposti għal żvilupp mill-kumpanija MIDI fil-gżira ta’ Manoel jissorprendu lil xi ħadd bħali li ilu jsegwi l-proġett, fil-forom differenti li ħa, tul l-aħħar talanqas erbgħin sena. Kien hemm żmien meta qalulna li l-gżira ta’ Manoel iddaħħlet fil-proġett bil-ħsieb li jissaħħaħ il-valur storiku u ambjentali tagħha. Ma setax ikun hemm indirizz kummerċjali f’dan l-iżvilupp imma wieħed ta’ interess publiku. Tal-MIDI kienu se jpattu b’hekk għall-benefiċċji inkredibbli li ngħataw fil-ponta ta’ Tigne b’art publika li saret tagħhom bir-ribass.

    Illum, il-proposti għall-iżvilupp ta’ Manoel Island huma kummerċjali. Żgur jispiċċaw billi bla rażan, jikkopjaw il-mostrożitajiet li nħolqu f’Tigne.

    Jien wieħed minn dawk li jaħtu għal dan. Meta l-proġett ta’ Tigne kien qed jogħtor, ftaħnielu triq li minnha seta’ jerġa’ jitlaq.

    Sadattant, il-proposti biex tal-MIDI jieħdu ħsieb jiżviluppaw, spejjeż tagħhom,  is-sistemi ta’ toroq u drenaġġ bejn tas-Sliema u l-Gżira ħalli jpattu għall-konġestjoni li kienu se joħolqu bil-binjiet tagħhom intesew.

    *** 

    DAWK LI MIETU F’GAZA

    Segwejt l-ispjegi li ngħataw minn nies ta’ rieda tajba f’Iżrael għall-imwiet tal-Palestinjani madwar il-wajer imxewwek li f’Gaza jifridhom mit-territorju ta’ Iżrael.

    Ir-rabbi Donniel Hartmann kiteb kif ma jistax jibqa’ sieket quddiem l-isfida morali dwar x’ġara. Jirreferi għal storja li tissemma fit-tradizzjoni Lhudija: meta Mose’ rnexxielu jgħaddi lill-poplu tiegħu mill-ferqa li nfetħet fin-Nil qabel ingħalqet fuq it-truppi tal-Fargħuni jsuqu minn ġo fiha, l-anġli nfexxu jgħannu. Alla waqqafhom. Widdibhom: kif tistgħu tkantaw meta l-ħlejqien tiegħi qed imutu mgħarrqa?

    Hartmann jinkwieta u jiddispjaċih bil-kbir bl-imwiet li seħħu. Isostni li l-inkwiet inqala’ mhux għax inġemgħet dimostrazzjoni imma għax tqanqal attakk fuq is-sovranità ta’ Iżrael u l-jedd tiegħu għall-eżistenza. Waqt li jemmen f’soluzzjoni li biha għandu jkun hemm żewġ stati fil-Palestina, ipoġġi l-akbar piż ta’ ħtija fl-ikkargar tal-mibegħda u l-vjolenza fuq il-Palestinjani.

    Din la hi pożizzjoni leġittima u lanqas kredibbli. Ma tirriflettix ir-realtà kollha, forsi lanqas fil-każ ta’ Mose’.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook