inewsmalta.com



Finanzi Sostenibbli

  • Mej 24, 2018 12:59
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Finanzi sostenibbli jagħtuk x’taħseb li jissemmew b’referenza għall-ħtieġa naturali li l-fondi mpoġġija f’negozju jridu b’xi mod irendu, billi d-dħul minnhom ikopri l-ispejjeż u jħalli xi ħaġa żejda. Imma le, qed jitqies li s-sostenibbiltà trid tmur lil hinn minn hekk. 

    Trid tiżgura wkoll li l-użu tal-fondi ma jħarrikx aktar fatturi li se jwasslu għal konsegwenzi ambjentali katastrofiċi, bħal ngħidu aħna żieda fit-temperatura ta’ wiċċ id-dinja. Dil-bidla se tkun ta’ qerda għan-negozji u allura jridu jilqgħu għaliha minn issa fid-deċiżjonijiet ta’ investiment li jieħdu.

    Fl-Ewropa, speċjalment wara l-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima, dil-ħaġa qed titqies bħala priorità ewlenija. Il-bużillis hu li l-konsegwenzi ambjentali gravi jidhru li se jseħħu fuq żmien ibgħed mill-ħajja normali ta’ kwalunkwe investiment. Kif allura se tiġi mħeġġa l-bidla lejn finanzi sostenibbli?

    Tħejja rapport minn esperti maħtura mill-Kummissjoni Ewropea li għandha tippreżenta l-pjan tagħha dwar hekk. Imma kif stajt nifhem waqt konferenza li saret dan l-aħħar fuq is-suġġett, minkejja kull ma jintqal, l-avvanz lejn finanzi sostenibbli qed isir bit-tlikki t-tlikki.

    ***

    DIXXIPLINA U DRITTIJIET

    Fil-kultura politika u soċjali ta’ żminijietna, l-għajta għal “aktar” drittijiet hi waħda popolari – u mifruxa sew l-istennija għall-benefiċċji li jagħtu d-drittijiet. Fl-istess ħin, in parti minħabba l-użu tal-midja soċjali, infirxu wkoll espressjonijiet goffi anke ta’ mibegħda u disprezz, kif ukoll imġiba antisoċjali.

    Il-biża’ mit-telf tal-voti fost oħrajn, xellef u mmina r-rispett lejn dik li fl-antik kienet tissejjaħ dixxiplina soċjali. Imma riesaq iż-żmien li fih l-attitudni ta’ min jagħlaq għajnejh dwar hekk jew jara kif jista’ jirranġa ma tibqax vijabbli. 

    L-emfażi ma tistax tibqa’ biss fuq il-benefiċċji li joħroġu mid-drittijiet imma wkoll fuq l-obbligi.

    ***

    JOE CASSAR

    L-aħbar ta’ mewtu ħasditni u kienet tal-akbar sogħba. Ma kontx niltaqa’ miegħu ta’ spiss u aktar segwejtu mill-kitba tiegħu. Imma dejjem laqatni bħala bniedem kalm u luċidu, nieqes minn kull arroganza ta’ kwalunkwe xorta lejn min mhux fil-kamp “tiegħu” – ħaġa li ma tistax tgħidha dwar sħabu kollha. Fuq kollox, kien uman.

    Nibqa’ niftakar l-imġiba tiegħu, korretta u simpatika, fil-konferenza stampa li Dr Karmenu Mifsud Bonnici kien ta fil-Maċina f’nofs ta’ lejl, ftit ħin wara li kien konfermat ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju 1987. Meta wara, Joe Cassar daħal fil-linja diplomatika, żgur li l-kwalitajiet tiegħu kienu siewja ħafna. 

    Fl-artikli tiegħu matul is-snin bqajt insib argumenti u sentimenti ta’ moderazzjoni u bilanċ, anke meta ta’ spiss ma kontx qed naqbel għal raġunijiet ovvji mad-direzzjoni tagħhom. Kondoljanzi sinċiera lill-familja kollha tiegħu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook