L-impriżi ż-żgħar u l-VAT

  • Ġun 04, 2018 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    Maġġoranza kbira tal-impriżi f’pajjiżna huma ta’ daqs żgħir u medju (smes); fil-fatt huma dak li jissejħu “mikro”, għax huma tassew ċkejkna. Waqt li jagħmlu l-bejgħ u x-xiri tagħhom jinsabu soġġetti bħal kulħadd għat-taxxa msejħa VAT. Din ġieli tpoġġihom f’qagħda iebsa għax minħabba fiha, ikollhom iġorru spejjeż li huma kbar ħafna, proporzjonalment għad-daqs tagħhom.

    L-Unjoni Ewropea tipprova tħaffef il-piżijiet li jirriżultaw billi teżenta lill-impriżi ż-żgħar milli jsegwu l-istess regolamenti bħall-kbar. Dil-ħaġa tagħmel sens.

    Biss, għandha l-perikli tagħha. L-evażjoni tat-taxxi permezz tal-VAT għadha enormi. Hemm pajjiżi fejn is-sehem tat-taxxa mħallas mill-kumpaniji ċkejkna hu minuri mqabbel mat-totall tat-taxxi miġbura bil-VAT. Pajjiżi oħra jiddependu bil-kbir fid-dħul tagħhom mill-VAT li jibgħatulhom il-kumpaniji ċkejkna. Li jeżentawhom mill-piżijiet kollha li jġorru l-impriżi meta jirrapportaw id-dħul mill-VAT, tkun miżura riskjuża.

     Irid jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa li l-fondi tat-taxxa VAT jinġabru fil-ħin, u l-ħtieġa li l-operat tal-smes jingħata kull appoġġ. 

    ***

    VIŻA TAD-DEHEB

    Qatt ma kont xi entużjast dwar l-hekk imsejħa viża tad-deheb – il-programmi li bihom gvernijiet jagħtu ċ-ċittadinanza jew permess permanenti ta’ residenza lil barranin li jinvestu f’pajjiżhom. Nifhem il-kritika li tista’ ssir kontriihom.

    Madankollu, fid-dibattitu li sar dwar das-suġġett il-ġimgħa li għaddiet fil-plenarja tal-Parlament Ewropew bqajt skantat bis-superfiċjalità tal-interventi. Ħafna mill-kelliema sempliċement ekwiparaw l-iskemi “tad-deheb” ma’ sforzi mnedija mill-gvernijiet biex kriminali jaħbu flushom u l-identità tagħhom. L-ebda każi konkreti ma ssemmew fejn dan ġara, ħlief referenzi fl-ajru għall-“oligarki Russi”.

    Problema li teżisti fil-Parlament Ewropew hi li jidħlu modi ta’ ħsieb u imġiba li kulħadd – jew, ejja ngħidu ħafna – iħossuhom komdi bihom, bla ebda sens kritiku, aktar u aktar jekk jinħassu li jistgħu jkunu popolari fil-midja u mal-elettorati jew partijiet minnhom.  Tispiċċa qisek qed tieħu sehem f’xi rit reliġjuż.

    Hemm ħafna xi tgħid dwar l-iskemi tad-deheb, imma mhux kif intqal il-ġimgħa li għaddiet fi Strasburgu.

    ***

    L-EWROPA DEMOKRATIKA

    Ir-rimarka xokkanti li għamel il-kummissarju Ewropew Oettinger fis-sens li s-swieq finanzjarji se jgħallmu lill-poplu Taljan xinhi t-tifsir tal-vot tiegħu... jiġifieri kif għandu jivvota “tajjeb”, tqajjem dilemmi fondamentali dwar id-demokrazija fl-Ewropa tal-lum.

    Taqbel jew ma taqbilx mal-partiti tal-Ħamest Ikwiekeb u tal-Lega, il-maġġoranza li kisbu bejniethom fl-Italja nkisbet f’elezzjonijiet demokratiċi.

    Jekk ir-regola saret li bil-politika tagħhom ivvotata mill-poplu, partiti nazzjonali ma jistgħux jikkontestaw  ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-Unjoni Ewropea imma jridu jbaxxu rashom għall-kmandi tas-swieq finanzjarji, id-demokrazija titlef kull tifsira. Għalfejn iċ-ċittadini għandhom jivvotaw, jekk wara kollox se jkunu l-forzi tal-flus li jiddeterminaw sa fejn il-popli Ewropej jistgħu jimmiraw?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0