inewsmalta.com



Effetti tar-rankatura ekonomika

  • Ġun 07, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    EFFETTI TAR-RANKATURA EKONOMIKA

    Li r-rankatura ekonomika qawwija ta’ bħalissa għandha effetti li mhumiex kollha pożittivi għandu jkun punt li dwaru jaqbel kulħadd. Uħud mill-effetti negattivi jmorru lil hinn mill-ekonomija għax jaffettwaw bil-qawwi l-ambjent naturali, soċjali u kulturali tal-pajjiż.

    Forsi diffiċli biex l-effetti negattivi jiġu eliminati għal kollox. Imma tidhirli bħala ħaġa evidenti li għandhom jiġu mbassra u “amministrati” biex jinżammu kemm jista’ jkun taħt kontroll. Veru: hemm limitu kemm dan jista’ jsir. Spiċċa ż-żmien li wieħed jemmen li l-istat jew is-settur privat bejniethom jistgħu jsolvu l-problemi kollha li jinqalgħu. Dejjem problemi akuti se jibqgħu jevolvu biex jinġarru minn ġenerazzjoni għall-oħra.

    Li jdejjaqni hu s-sentiment ta’ uħud dwar kif trid tħalli l-iżviluppi jiġru waħidhom ’il quddiem, la b’mod ġenerali, ir-rankatura qed toħloq aktar u aktar ġid.  L-ottimiżmu hu tal-aqwa siwi fil-ħajja imma lanqas għandu jkun insensat. 

    ĠUDIKATURA U PARLAMENT EWROPEW

    Id-deputati Ewropej Gomez u Giegold interessati li jagħtuna lezzjonijiet fit-tmexxija tal-istat (forsi biex b’hekk jissemmew aktar); id-deputat Casa interessat li bit-tqanżieħ, jerġa’ jitla fil-Parlament Ewropew. L-istess Parlament ċaħdilhom il-fondi biex jerġgħu jniżżlu Malta delegazzjoni uffiċjali ħalli tistħarreġ x’baqa’ għaddej fostna minn mindu l-aħħar ittawlulna. Allura ġew xorta waħda, spejjeż tagħhom, qalu.

    Sa hekk, ma narax problema. Din saret parti minn logħba politika Ewropea ta’ min jipprova jiġbed is-serċlajt tal-publiċità fuqu billi jinħaq u jakkuża. Għamlu tajjeb il-partiti politiċi fil-Parlament Malti li ltaqgħu ma’ Gomez u Giegold, għalkemm ma nbidel xejn mid-dalma li biha dawn it-tnejn qed iqisu s-sitwazzjoni Maltija.

    Li darrasni kien kif membri tal-ġudikatura Maltija ltaqgħu ma’ din id-“delegazzjoni” li ma kienet delegazzjoni xejn. Dan minn meta l-ġudikatura Maltija saret sottomessa għal investigazzjoni minn deputati...? ... u minn deputati tal-Parlament Ewropew li lanqas kellhom formalment dan l-inkarigu.

    In-neo-kolonjaliżmu fostna ta’ meta kont żagħżugħ reġa’ ħa l-ħajja.

    MA NITGĦALLMUX

    Temminnix jekk ma tridx. Kont qed insuq mill-Balluta lejn l-Exiles, mad-dawra li twassal sa Tas-Sliema. Quddiemi eżatt kien hemm xarabank ta’ żewġ “sulari” mill-Valletta Waterfront. 

    Fuq is-“sular” ta’ fuq dehru żewġ tfajliet, nimmaġina barranin. Meta nbidlu d-dwal, il-vettura saqet bil-mod ’il quddiem minn taħt siġra, li fergħa – ħafifa – minnha tinsab imdendla għal fuq it-triq. Għoddha laqtet lil waħda mit-tfajliet...

    Meta se nitgħallmu? Ftit ġranet ilu, seħħet traġedja tal-waħx b’siġar imdendla fuq triq minn fejn kellhom jgħaddu vetturi għolja.

    Hi ħaġa ovvja x’għandu jsir: jew inrażżnu s-siġar jew nipprojbixxu l-vetturi għolja. Mhux sew li la nagħmlu ħaġa u lanqas oħra.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook