MIN QED IGAWDI?

  • Ġun 11, 2018 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    MIN QED IGAWDI?

    Fl-Ewropa bħalissa, 1 fil-mija taċ-ċittadini jgawdu 40 fil-mija tal-ġid ekonomiku. Sadattant, 40 fil-mija taċ-ċittadini Ewropej igawdu biss minn 1 fil-mija tal-ġid. L-inugwaljanzi kibru. 

    L-ekonomiji rpiljaw, uħud bil-kbir. It-tendenza biex il-fqar jiftaqru u l-għonja jistagħnew, kompliet. Anzi irrankat, hawn min jgħid.

    X’inhu jqanqal dawn ir-riżultati tal-mistħija f’Ewropa li tiftaħar bil-mudell soċjali tagħha? Kulħadd jistqarr bil-qawwi li s-sitwazzjoni mhijiex tollerabbli. 

    F’Malta, b’riżultat tal-politika tal-gvern, avvanzajna biex il-fruntieri tal-faqar jitreġġgħu lura. Tkun ħaġa interessanti li l-qagħda tagħna titqabbel mal-istampa Ewropea. X’inhu l-persentaġġ ta’ ċittadini Maltin li jgawdu bejniethom minn 40 fil-mija tal-ġid? U x’persentaġġ ta’ ċittadini jgawdi biss minn 1 fil-mija tal-ġid?

    ENERĠIJA NADIFA U AWTONOMA

    Jeżisti interess vitali biex l-enerġija li nużaw ma żżidx il-karbon fl-atmosfera u ssaħħan aktar il-klima tad-dinja. 

    Il-ġimgħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea varat programm biex gżejjer Ewropej jikkordinaw ħidma ħalli jipproduċu enerġija nadifa b’meżżi “awtonomi”, jiġifieri li jinsabu fl-istess gżira. L-avvanzi fit-teknoloġija qed iressquna lejn soluzzjoni ta’ din l-isfida. 

    Għalhekk, tkun ħaġa tajba jekk il-gżejjer Ewropej jiksbu aċċess għall-aħħar żviluppi teknoloġiċi skont l-esperjenza ta’ gżejjer oħra. Tkun ta’ għajnuna għalihom jekk isiru jafu kif proġetti ta’ enerġija nadifa jsiru aktar effettivi permezz ta’ miżuri finanzjarji u amministrattivi. U l-biċċa ssir tagħmel aktar sens jekk il-gżejjer jingħataw skont il-ħtieġa, assistenza teknika għat-twettiq tal-proġetti tagħhom.

    Il-programm tal-Kummissjoni Ewropea, li se jkollu baġit ta’ 10 miljun ewro, hu maħsub biex jilħaq dawn l-għanijiet. Ittellaq fuq inizjattiva tal-uffiċċju tiegħi fi Brussell bl-appoġġ tal-uffiċċju ta’ deputat Ewropew Kroat ...

    ĊESRI U KLEOPATRA

    Fis-sena 1945, mid-dramm “Ċesri u Kleopatra” ta’ George Bernard Shaw sar film b’Claude Rains bħala Ċesri u Vivien Leigh bħala Kleopatra, direzzjoni Gabriel Pascal. Ma ddejjaqtx narah bħala you tube għax jidher ċar li sar ħafna ħsieb biex jittella’ bil-galbu. GBS ilu li ma baqax moda, anke jekk ċerti battuti fini tiegħu għadhom jinħassu sovversivi u qliel. 

    Ċesri hu preżentat bħala ġeneral li bi ftit riżorsi, biħsiebu jissottometti l-Eġittu għall-ħakma Rumana – l-istess ħaġa li pprova jagħmel Napuljun sekli wara. Biex jasal għall-għanijiet tiegħu, juża lil Kleopatra li għadha wisq żagħżugħa, ħalli bħala s-sultana tal-pajjiż, taċċetta f’isem l-Eġizzjani, il-kontroll ta’ Ruma. 

    In-nisġa tikkomplika ruħha bir-relazzjoni bejn Ċesri u l-prinċipessa, fejn hu donnu qed juriha kif “tmexxi”. Ir-relazzjoni tfakkrek f’Pygmalion/My Fair Lady fejn “għaref” anzjan jgħallem mara żagħżugħa dwar l-imġiba li għandha taddotta. Dis-sitwazzjoni tittawwal wisq. Ir-reċtar taż-żewġ protagonisti  jinħass repetittiv u teatrali għall-gosti tal-lum, anke monotonu.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook