L-iffrustrati

  • Ġun 12, 2018 18:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Il-ħajja hi waħda varja għax in-nies li jagħmluha huma varji.  Hemm dawk li huma pożittivi u hemm oħrajn li huma negattivi.  Din l-attitudni tista’ tkun ġejja sew mill-karattru iżda wkoll miż-żmien li wieħed ikun għaddej minnu.  Kull żmien ikollna gruppi bħal dawn.  Illum l-istess.  Id-differenza hi li dawn aktar jistunaw meta l-atmosfera ġenerali hi waħda pożittiva u għalhekk in-negattivita’ u l-frustrazzjoni aktar tistona.  Dan aktar jistona meta int ikollok grupp organizzat ta’ frustrati li moħħu hu biss li jħammeġ lil pajjiżna b’effett li l-opportunitajiet għax-xogħol f’oqsma sensittivi bħas-settur finanzjarju, li jħalli ħafna flus Malta jonqsu.  Ftit jirrealizzaw li l-aktar nies li jintlaqtlu huma żgħażagħ, ħafna drabi ġejjin minn familji tal-klassi medja, li jkollhom edukazzjoni universitarja.  Sfortunatament huma ftit minn dawn iż-żgħażagħ li qed jirrealizzaw dan.

    Illum għandna grupp ta’ frustrati bħal dan.  Ma nemminx li grupp bħal dan huwa ffrustrat għaliex irid bidla aħjar fil-ħajja li ngħixu.  Kull ma jridu dawn in-nies hi bidla fil-ħajja tagħhom.  Fil-każ tagħna jridu li jerġa’ jkollhom ir-riegni f’idejhom biex igawdu fuq ħaddieħor.  Jekk tħares lejn l-uċuħ li jmexxuhom tittendi mal-ewwel.  Mhux nies li kienu magħrufa għax għamlu xi ħaġa ta’ ġid għal maġġoranza tan-nies iżda li ħadu ħsieb tagħhom infushom u ta’ madwarhom.  Stanew huma u ta’ madwarhom biss.

    Dawn in-nies fallew u fallew bil-kbir.  Iżda huma jemmnu li mhux huma fallew, imma n-nies għax ma fehmuhomx għax huma injuranti.  Il-konsegwenzi ta’ dawn kulħadd jafhom.  Fost dawn, żgur li l-aktar li ddejjaqhom hi li llum tilfu l-kuntratti ta’ mijiet ta’ eluf li kienu jaqgħu f’ħoġorhom permezz direct orders.  Iżda barra dan ma jistgħux jifhmu kif ‘tifel’ mhux talli ħarbathom, iżda ħoloq suċċess wara ieħor filwaqt li huma, bl-għerf tagħhom ta’ avukati, ma jistgħux jinqalgħu minfejn huma. 

    Din il-frustrazzjoni għal xi wħud ġabet disperazzjoni u għalhekk kellhom jaqgħu għat-tattiċi antiki ta’ żmien Mintoff. 

    L-Ewropa hemm ħafna nies li qatt ma ħamluna għaliex ma jistgħux jaċċettaw kif biċċa ta’ gżira li lanqas hi ta’ daqs belt kbira Ewropea, mhux talli minn żmien għall-ieħor tqum fuq tagħha, u mhux talli tagħmel suċċess ekonomiku iżda li tieħu rwol influwenti fil-kontinent kollu Ewropew. 

    Fosthom issib Ewropejli bħal Ana Gomez, barra li mhux tittendi li qed imexxuha minn imniħierha lanqas qed tittendi li min qed imexxiha la qatt ikkritika dawk l-affarijiet li llum qed jikkritika  u wisq anqas ipprova jagħmel xi ħaġa biex itejjeb is-sitwazzjoni la fil-qasam tal-ġustizzja u wisq anqas fil-qasam tal-ugwaljanza soċjali, żewġ oqsma li suppost li jinteressawha. 

    L-għamad tant hu kbir li la tirrikonoxxi it-titjib li sar fil-qasam tal-ġustizzja u lanqas biss issemmi l-avvanz li għamlet Malta fil-qasam tal-ugwaljanza soċjali.  Fil-qasam tal-ġustizzja naħseb li waħda mill-akbar riformi hi li politiku, li jkun għamel xi korruzzjoni, dejjem ser jibqa’ suġġett li jsib il-ġustizzja warajh. Jekk nieħd l-ugwaljanza soċjali kulħadd jaf il-pożizzjoni li kienu ħadu dawn in-nies fuq iż-żwieġ ta’ nies ta’ l-istess sess, jew vjolenza domestika jew fuq l-IVF.  Ħadd min dawk li qed iġebduha minn imneħiera ma niffes kelma dwar dan.

    Fuq kollox din il-mara qed tipprova ssib ix-xagħra fl-għaġina f’Malta u ma tarax problemi kbar f’dan il-qasam f’pajjiżi qrib tagħha.  Kull ma trid tħares lejn Spanja li llum għandha l-priġunieri politiċi!

    Nerġa’ nfakkar li lanqas fi żmien kolonjali qatt ma ġejna stmati hekk.

    Produttività

    Suġġett li ma tantx nitkellmu fuqu speċjalment bħal dan iż-żmien meta l-ekonomija sejra tajjeb ħafna.  Kien interessanti li dan l-aħħar smajt li l-MCESD kienu bdew jiddiskutu dan is-suġġett. 

    Il-produttivita’ dan l-aħħar ħadet post sekondarju minħabba li l-akbar problema li hemm bħalissa hi n-nuqqas ta’ ħaddiema għaliex il-kobor fl-ekonomija hu tant kbir li ma nistgħux insibu l-ħaddiema li hemm bżonn illum. 

    Dan qed jiġi rifless fil-ftehim kollettivi li qed isiru speċjalment mal-Gvern fejn il-priorita’ hi li nżommu l-ħaddiema li għandna.  Hu għalhekk li ż-żieda fil-pagi li kien hemm f’ċerta postijiet ma kinitx tkun ġustifikata li kieku kienet biss ibbażata fuq il-produttivita’ tal-ħaddiema.  Il-unions iridu jibdew iħarsu lejn dan l-aspett minkejja li ħafna drabi l-ħaddiema jinteressahom biss il-pagi.

    Il-unions iridu jibdew minn issa li jħarsu biex il-ftehim kollettiv jipprovdi opportunitajiet biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jitħarrġu aktar.  Dan mhux biss iżid il-produttivita’ iżda wkoll iwessa’ l-opportunitajiet tal-ħaddiema li jkunu jistgħu jiffaċċjaw tibdil qawwi fit-teknoloġija u f’oqsma oħra.

    Biss kif il-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema tbatti xi ftit, il-produttivita’ terga’ tieħu post prominenti.  Il-produttivita’ hi fattur importanti ħafna biex il-prodotti tagħna jkunu kompetittivi.  Jekk ma jiġrix hekk, sew il-postijiet tax-xogħol, sew l-azjendi u sew l-ekonomija jieħdu daqqa ‘l isfel.  Il-produttivita’ tiggarantixxi li l-ħaddiema jkollhom pagi diċenti fil-futur.

    Hemm aspett ieħor tal-produttivita’ li ma tantx nisimgħu bih.  Dan hu li t-teknoloġija aktar ma tiżviluppa aktar ser tkun il-fattur ewlieni biex tiżdied il-produttivita’ tal-azjendi tagħna.  Dan il-fattur fuq temp ta’ żmien fit-tul, ser ikollu impatt soċjali. 

    Bħalissa barra minn Malta diġa’ bdiet id-diskussjoni ta’ kif nistgħu niffaċċjaw din il-problema soċjali fejn l-ekonomija tkun tiddependi fuq teknoloġija robotika.  L-isfida hi li nkomplu niżviluppaw din it-teknoloġija mingħajr ma toħloq il-faqar.  Soluzzjoni li laqtitni hi li l-Gvern irid jidħol aktar fl-ekonomija mingħajr ma jikkontrollha.  Dan jista’ jsir billi jipprovdi l-kapital li jkun hemm bżonn għal din it-teknoloġija – il-kapital għal teknoloġiji avvanzati hu wieħed kbir ħafna.  B’hekk permezz ta’ public-private partnership, il-Gvern ikun jista’ jkollu dħul kbir li wara jista’ jqassmu biex il-ġid jasal f’kull rokna tal-pajjiż u b’hekk igawdi kulħadd.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook