Parti mill-Mediterran?

  • Ġun 14, 2018 11:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Nindunaw li aħna parti mill-Mediterran meta tqum xi tilwima ma’ xi wieħed mill-ġirien. L-ekonomija u s-soċjetà tagħna donnhom baqgħu maqtugħa mill-isfond geografiku li fih jeżistu. Il-mezzi ta’ kumnikazzjoni virtwali... anke t-turiżmu... qishom saħħu mhux dgħajfu din il-qasma.

    Veru li l-futboll u l-mużika popolari qarrbu lil parti mill-popolazzjoni tagħna lura lejn l-Italja, li fl-imgħoddi kienet l-ankra għas-saffi borgiżi tal-gżira. Biss b’mod aktar profond, ma hemmx kuxjenza li l-ġirien tagħna huma dawk li huma: ma nafuhomx tassew, ftit jimportana minnhom, jew huma minna.Dnub li trid tkun xi konfrontazzjoni bħal fuq l-immigrazzjoni li ġġibna wiċċ imb’wiċċ mar-realtà li tassew, aħna parti mill-Mediterran.

    Fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, gvern Laburista kien stinka qatigħ biex idaħħal dan l-għarfien, fil-fehma tiegħi bla wisq suċċess.

    Minn dak iż-żmien lil hawn, dak l-għan fil-prattika jekk mhux bil-fomm, safa abbandunat.

    ***

    GWERER KUMMERĊJALI

    Mhumiex faċli l-kalkoli li jridu jsiru mill-Ewropej dwar kif għandha titwettaq it-tpattija għad-deċiżjoni Amerikana biex jiżdiedu t-tariffi fuq l-azzar u l-aluminju mibjugħ lill-Istati Uniti. Is-sogru hu li b’miżuri qawwija wisq, il-President Trump jirritalja bil-kbir, kif diġà wiegħed li jagħmel. U huma jkollhom jerġgħu jirrispondu.

    Min-naħa l-oħra, jekk ma jagħmlu xejn jew ftit wisq, ikunu taw sinjal lil Trump biex dak li għamel dwar il-metall, jifirxu għal prodotti oħra.

    Il-problema kbira tagħhom hi li ftit jistgħu jipprevedu kif se jirreaġixxi l-President Amerikan, speċjalment għax hu spiss jikkontradixxi lilu nnifsu. Hemm ħaġa żgura madankollu: f’li qed jagħmel, sab appoġġ qawwi fost in-nies li jivvotawlu. Jistgħu mhumiex il-maġġoranza tal-poplu Amerikan, imma diġà wassluh għall-maġġoranza tal-voti fil-konvenzjoni li taħtar il-President.

    Gwerra kummerċjali tista’ toqtol it-tkabbir ekonomiku li d-dinja ġarrbet fl-aħħar sentejn jew tlieta. Tista’ wkoll toħloq lanja li twassal biex Trump ikun elett għat-tieni darba fid-Dar il-Bajda.

    ***

    MATURITÀ

    Nifhem li jitqiesu bħala avvanzi progressivi d-drittijiet ġodda li jingħataw liż-żgħażagħ “żgħażagħ”, dwar vot u materji oħra.

    Biss naħseb li għandu jingħata ħsieb ukoll għall-fatt... kważi bioloġiku... li kwalunkwe persuna għandha bżonn iż-żmien sakemm bit-taħriġ, bl-eżempju u bid-dixxiplina tinkwadra ruħha fis-soċjetà b’imġiba li tkun ċivili u mhux anti-soċjali. Kwalunkwe organiżmu jeħtieġlu ċertu żmien biex jasal għall-aħjar użu tal-fakultajiet tiegħu. Dan japplika għall-kwalitajiet fiżiċi, kif ukoll għal dawk intellettwali u morali.

    It-terminu “rites of passage” kien jintuża appuntu biex jimmarka l-pass li jrid jittieħed bejn stadju u ieħor tal-iżvilupp professjonali, tribali, soċjali... hekk kif membru tal-komunità jilħaq il-livell fejn jitqies bħala membru sħiħ tagħha. Fi kliem ieħor, ikun/tkun laħaq/laħqet il-maturità.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0