EWROPA LI TIPPROTEĠI?

  • Lul 02, 2018 08:20
  • Miktub minn Dr. Alfred Sant

    L-għajta “progressiva” għal li ġej se tkun dik ta’ Ewropa li tipproteġi. Is-soċjalisti demokratiċi bdew jużawha imma jidhirli li fl-istess żmien, jekk mhux qabel, użaha wkoll il-President Macron ta’ Franza li qed ifittex kif il-partit li waqqaf fl-aħħar sentejn, se jallineja ruħu fl-ispektrum politiku Ewropew.

    Is-slogan jagħmel sens għalkemm jagħti xhieda tal-irtirata li kellhom jagħmlu l-istrateġisti pro-Ewropej fl-aħħar ħmistax-il sena. 

    Qabel, ma kienx hemm bżonn li tingħata importanza lill-ħila tal-Ewropa biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha. Tant kienet kisbet prestiġju u rankatura bil-binja tagħha, li l-protezzjoni li tagħti kienet mitqiesa bħala ħaġa minn ewl id-dinja. L-aqwa kien li l-Ewropa qed isservi ta’ mutur biex in-nies ittejjeb ħajjitha bl-aktar mod naturali, tant li aktar u aktar pajjiżi riedu jingħaqdu magħha.

    Spiċċa dak iż-żmien. L-awsterità, l-immigrazzjoni, l-iskandli finanzjarji, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar li reġa’ żdied daħħlu klima ta’ insigurtà li jeħtiġilha titwarrab. Inkella l-populiżmu se jġorr kollox quddiemu.

    ***

    TBASSIR DWAR L-ISTORJA

    Snin ilu, wara li waqa’ l-ħajt ta’ Berlin u l-Unjoni Sovjetika kkollassat, akkademiku Amerikan ħabbar li l-istorja (“history”) kienet intemmet. Konna resqin – sostna – lejn “kunsens” fit-tmexxija tas-soċjetajiet fejn jiddominaw ir-regoli tas-suq ħieles li dwarhom kulħadd se jaqbel. Qed nissimplifika aktar minn “xi ftit”, imma l-essenzjali hemm qiegħed.

    Jidher sew kemm dal-pronostku kien fażull.

    Kważi fl-istess żmien, akkademiku Amerikan ieħor ħareġ ibassar kif l-aqwa diżgwid riesaq lejn id-dinja kien “reliġjuż”, bejn l-Islam u r-reliġjonijiet l-oħra. Mill-ġdid, qed nissimplifika, forsi żżejjed. Dal-pronostku wkoll – għalkemm x’aktarx eqreb ir-realtà minn ta’ qablu – ma tantx iwassalna bogħod.

    Il-problema essenzjali hi li nfetħu l-bibien tal-globalizzazzjoni, mingħajr ħadd ma kellu idea ċara dwar għaliex/kif/meta l-iżviluppi li ġġenerat, għandhom jiġu sorveljati/iggwidati.

    ***

    IL-KONSUMATUR

    Jintqalu ħafna affarijiet dwar kif fuq bażi nazzjonali u Ewropea, il-konsumaturi qed isibu dejjem aktar ħitan tal-kenn kontra l-abbużi li bejjiegħa, anke tal-aqwa reputazzjoni, imdorrija jagħmlu biex ma jwettqux dak li jkunu wegħdu. M’inix konvint li dawn il-ħitan qed jagħtu biżżejjed kenn.

    Forsi din hi problema li tispikka l-aktar fil-qasam tas-servizzi: il-modi kif jitpoġġew f’investimenti l-flejjes li familji jkunu ġemmgħu; il-garanziji mogħtija fuq apparati bħal mobajls u kompjuters li jinxtraw malajr malajr; il-mod kif jiġu onorati jew le insurances dwar aċċidenti ta’ saħħa meta wieħed qed jivvjaġġa; il-kumpens li wieħed suppost intitolat għalih meta jingħata xi parir professjonali żbaljat.

    Tiskanta kemm tiltaqa’ ma’ każi fejn konsumatur li kontra tiegħu twettaq xi tort jibqa’ bla saħħa biex jingħata sodisfazzjon, anke meta jinduna li ġie ngannat. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0