inewsmalta.com



Drittijiet tal-awtur... Investigazzjoni... Festi

  • Lul 12, 2018 15:17
  • Miktub minn Alfred Sant

    DRITTIJIET TAL-AWTUR

    Il-ġimgħa li għaddiet, fil-Parlament Ewropew qamet kontroversja kbira dwar id-drittijiet tal-awtur, l-aktar fl-użu ta’ materjal mużikali, ġurnalistiku u letterarju. B’liema mod dal-materjal, maħruġ minni u minnek, seta’ jintuża minn oħrajn fuq l-internet? Ir-riżoluzzjoni fuq das-suġġett ilha titħejja xhur twal.

    Mill-bidu jien deherli li dawk li joħolqu jew jippublikaw xogħol kreattiv jistħoqqilhom protezzjoni, l-istess kif jiġri meta kumpanija kummerċjali tiżviluppa prodotti ġodda għall-bejgħ u jkollha ħarsien għall-invenzjonijiet li tniedi.

    It-test tar-riżoluzzjoni li tressaq quddiem il-Parlament tkellem dwar kif għandha tingħata dil-protezzjoni.

    Fl-aħħar ġimgħat, qamet ferneżija ta’ protesti kontrih. Intqal li r-riżoluzzjoni kienet se tillimita bil-kbir il-ħelsien tal-utenti tal-internet fl-aċċess għall-informazzjoni u l-kultura. Ukoll li l-proposti mressqa kienu se jsaħħu d-dominanza ta’ Google fit-tmexxija tal-internet. Jien, bħal kull membru tal-Parlament Ewropew, ġejt bumbardjat b’dawn il-messaġġi, b’għaqdiet tal-konsumaturi u sostenituri ta’ Wikipedia fl-avangwardja. Min-naħa l-oħra, punt li ma stajtx nifhem kien kif anke Google għamlet kampanja kontra r-riżoluzzjoni.

    Din ma għaddietx.

    INVESTIGAZZJONI

    Wieħed jistenna li l-pressjoni publika dwar il-qtil orribbli tas-sinjura Daphne Caruana Galizia – parti minnha b’intenzjonijiet tajba, parti minnha le – tkompli fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.  Wieħed jistenna wkoll li f’xi żmien jew ieħor, l-istess pressjoni tbatti hekk kif iseħħu ġrajjiet oħra drammatiċi oħra.

    Ikun żball (li ma naħsibx li se jsir) jekk min-naħa tal-awtoritajiet jitnaqqsu l-isforzi biex jinstabu dawk kollha responsabbli. Żmien twil ilu, uffiċjal għoli nkarigat mill-istħarriġ kriminali f’pajjiż ewlieni Ewropew qalli li aktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuq investigazzjoni ta’ każ serju ħafna, aktar iridu jiżdiedu r-riżorsi ta’ stħarriġ.

    Dnub li kien hemm min għamel minn kollox biex jippolitiċizza l-investigazzjoni tal-każ. Il-biċċa għandha tibqa’ titqies bħala eżerċizzju serju ħafna ta’ sfida teknika u kriminali. Terz tal-problema sa issa nħallet; fl-Islovakkja quddiem każ simili għadhom b’idejhom vojta. Dak li baqa’ xi jsir irid ikompli jitwettaq b’kull premura.

    FESTI

    Qed nara l-affarijiet tajjeb jew qed nimmaġinahom? Il-festi tas-sajf għadhom qed jirrankaw jew il-ħerqa għalihom battiet xi ftit?

    Dan għax donnhom qed jinstemgħu u jidhru anqas murtali u logħob tan-nar. Fejn saru l-festi, qisu kien hemm anqas dekorazzjonijiet fit-toroq u l-attivitajiet ma twalux daqskemm ġieli jagħmlu.

    Jista’ jkun li għax l-istaġun m’ilux daqstant li fetaħ. Jista’ jkun li sa issa l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja tal-futboll ħallew l-effett tagħhom. Żewġ raġunijiet li tawhomli ħbieb li merew li hemm xi tnaqqis fil-ħrara lejn il-festi. Tnaqqis hekk ma jkunx daqstant sorprendenti; ikollok tassumi li l-festi huma wkoll soġġetti għal bidliet fil-moda u fid-drawwiet.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook