FIL-FOND JEW FIL-WISA’
Jinsabu għaddejja proġetti ta’ investimenti publiċi u privati fuq front tassew wiesa’. L-aktar li jidhru u jinħassu, mhux dejjem fil-pożittiv, huma dawk fil-qasam tal-bini. Imma għal min qed isegwi, hemm ħafna oħrajn – li hi ħaġa tajba ħafna.
Mhux kwistjoni li tfittex ix-xagħra fl-għaġina. Biss l-analiżi kritika trib tibqa’ ssir. Li ma naħsibx li qed jiġri, aktar u aktar għax l-Oppożizzjoni Nazzjonalista donnha tinsab f’koma.
L-opportunità strateġika għall-investiment publiku hi li ttejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Tista’ tagħmel dan f’għażla bejn tliet toroq: billi dak li diġà għandna, iġġeddu; billi twessgħu jew testendih; jew billi tirriformah mill-qiegħ bi pjan maħsub u maqbul bejn “kulħadd” (jekk din qatt tista’ tiġri f’pajjiżna).
Tal-ewwel, l-aktar biċċa ħafifa u b’mod ġenerali, qed issir tajjeb. Tat-tieni, tista’ tkun siewja ħafna u qed isiru sforzi serji biex titwettaq.
Tat-tielet hi l-aktar triq iebsa u l-aktar meħtieġa. Għadna m’aħniex naffaċċjawha.
POLITIKA BLA SKANDLI
Fl-aħħar ġimgħat, il-gvern Franċiż kien qed jikkombatti skandlu li faqqa’ hekk kif il-ġurnal “Le Monde” żvela li Alexandre Benalla raġel tal-qalba fis-servizz tas-sigurtà tal-President Macron, mar minn rajh isawwat dimostranti li ħarġu fit-toroq ta’ Pariġi fl-ewwel ta’ Mejju.
Jidher li meta saru jafu bil-biċċa, l-awtoritajiet tal-Elysee taw lil Benalla ċamata simbolika. L-istorja ta’ “Le Monde” ħalqet kjass u tnedew investigazzjonijiet fil-Parlament u fis-Senat Franċiżi. Il-President Macron innifsu qalagħha: baqa’ ġranet sħaħ kwiet u mutu waqt li l-kritika nfirxet.
Il-mistoqsija tqum kważi waħidha: Tista’ teżisti politika bla skandli? Bla żbalji li jridu jinħbew jew jitgħattew?
Jew minnha nfiha, kull ħidma umana biex tmexxi l-affarijiet publiċi – l-affarijiet li jirrigwardaw il-komunità kollha – bilfors titniġġes bid-dnubiet, żbalji u abbużi?
BIL-BOQXIEX
Fil-ġabra ta’ poeżiji li ħareġ b’dan l-isem, Louis Briffa jibqa’ dritt fil-linja ta’ Philip Sciberras/Daniel Massa/Achille Mizzi. L-użu tal-lingwa hu ammirevoli għadilli ġieli jaqa’ fl-oskur. Ir-referenzi Greko-Rumani biex isostnu x-xbihat iżommu distanza mill-qarrej kontemporanju, anke meta jemfasizzaw interazzjonijiet konkreti bħal f’atti sesswali jew f’lamenti ambjentali. L-istess effett ta’ distanza joħroġ mir-referenzi matul il-ġabra għall-“poeta” qisu dan mhux l-istess “jien” li qed jirrimalna.
Interessanti ħafna l-firda, għalija totali, bejn l-istil tal-ewwel poeżija fil-ġabra “Bħar-raġel Vitruvjan” u l-bqija (apparti mit-titlu). Il-lingwaġġ waħdu (b’użu ta’ kliem mislufa mill-Ingliż jew imdaħħla direttament bih) u l-inċidenti/xbihat ippreżentati b’realiżmu konkret huma f’kuntrast qawwi ma’ x’insibu fil-poeżiji l-oħra.
Tgħid Briffa daqt jitlaq f’linja differenti minn dik ta’ Sciberras/Massa/Mizzi? Diffiċli tgħid. Il-poeżiji varjati u folti tal-“Boqxiex” mhumiex datati.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.