METRO MHUX MINA

  • Set 03, 2018 07:57
  • Miktub minn Alfred Sant

    METRO MHUX MINA

    Ħabib qalli kif qara jew sema’ li xi ħadd kiteb jew tkellem dan l-aħħar dwar x’inhi l-aħjar soluzzjoni tat-tul għat-trasport f’Malta u Għawdex, kif ukoll bejn iż-żewġ gżejjer. Mhux aktar toroq wiesgħa jew mina, imma sistema ta’ metro li taħt l-art u l-baħar minn Marsaxlokk tibqa’ sejra sar-Rabat ta’ Għawdex.

    Fakkartu kif il-proġett kien issemma mill-PN fl-aħħar elezzjoni bħala proposta tiegħu għall-futur, qabel dak il-partit intilef minn sensieh u telaq isterikament fuq akkużi bla rażan u bażi kontra l-Prim Ministru. Fakkartu wkoll kif snin ilu, l-imprenditur Anġlu Xuereb ħareġ bi proposta simili, waqt li aċċetta li ma kinitx vijabbli għalkemm mil-lat publiku qiesha tal-akbar ħtieġa.

    L-ispiża għal proġett bħal dan tkun fenomenali. Biss illum, l-ispiża li l-pajjiż qed iġorr biex isostni l-għadd kbir ta’ karozzi fit-toroq hi wkoll enormi u se tibqa’ tiżdied għall-futur.

    Forsi jaqblilna nagħmlu aktar somom dwar l-għażliet li jinsabu quddiemna fl-oqsma tat-trasport, inkluż dwar xinhi l-aħjar rabta ma’ Għawdex?

    MIRI AMBJENTALI

    Ir-riżenja mill-gvern Franċiż tal-ministru għall-ambjent Nicolas Hulot m’għamlitx ġid lid-dehra tal-President Macron fit-tmexxija. Il-President innifsu, kif ukoll il-gvern tiegħu tilfu sew mill-popolarità tal-bidu. Dan ġara sa issa fil-każ ta’ kull President Franċiż wara li jkun inħatar, iżda mhux b’daqstant qawwa.

    Bħala raġuni għar-riżenja, Hulot fisser kif il-ħarsien ambjentali kien priorità baxxa tal-gvern għalkemm donnu aċċetta li ħaġa hekk isseħħ fl-amministrazzjoni ta’ kull pajjiż ieħor. Hu li dejjem qabel irrifjuta l-karigi politiċi li offrewlu, ma kienx lest li jservi ta’ paraventu għal sitwazzjoni fejn il-miri ambjentali waqt li nżammu modesti, xorta ma kinux se jintlaħqu, b’diżastru għall-qagħda klimatika tad-dinja.

    Il-biża’ hu li mhux biss Hulot għandu raġun imma li d-diżastru jseħħ aktar kmieni milli qed jipprevedi.

    MANWEL GELLEL

    Fl-aħħar ġimgħat, kelli esperjenza kurjuża. Qrajt rumanz li kont sirt nafu daqs sittin sena ilu, meta smajtu jinqara fuq il-cable radio. Allura, kien għoġobni ħafna. X’kien se jidhirli minnu llum?

    “Manwel Gellel” miktub minn Ġuze Cardona hu rumanz storiku li jittratta is-sitwazzjoni f’Malta fl-ewwel snin tal-okkupazzjoni Brittanika wara li l-forzi Franċiżi ġew imblokkati għal sentejn u mkeċċija. Kien żmien ta’ inċertezza kbira dwar il-futur tal-gżejjer. L-Ingliżi ħatru mexxejja fl-irħula Maltin li kemm jista’ jkun ixaqilbu lejhom. Gellel, il-bniedem li poġġew fit-tmexxija ta’ Ħal-Qormi, inzerta maskalzun. 

    Wegħedt li nagħti rendikont tal-impressjonijiet tiegħi dwar ir-rumanz f’daħla għall-edizzjoni ġdida li d-dar ta’ pubblikazzjoni SKS se joħorġu. Se tkun it-tieni edizzjoni tal-ktieb mill-bidu tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0