Trasport b’xejn għall-istudenti... flus fi bwiet il-ġenituri

  • Set 13, 2018 13:42
  • Miktub minn Chris Fearne

    Fil-jiem li ġejjin l-iskejjel kollha ftit ftit jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom biex jilqgħu fi ħdanhom bħal kull sena eluf ta’ studenti. Avveniment li jesperjenzah kulħadd għax normalment ikun immarkat b’mod konsiderevoli biż-żjieda fit-traffiku fit-toroq tagħna partikolarment fil-ħinijiet ta’ filgħodu u fil-ħinijiet ta’ tmiem il-ġurnata skolastika.

    B’riżultat tal-ħidma konġunta bejn Ministri kollegi,  is-sena skolastika li se tibda dalwaqt se jkollha differenza importanti minn dawk ta’ qabel, partikolarment għal dawk il-familji li jibagħtu ‘l uliedhom fi skejjel indipendenti u tal-Knisja. Huwa fatt magħruf li hemm minn dawn il-familji li jorganizzaw bejniethom trasport privat għal uliedhom u hemm bosta oħrajn li jwasslu ‘l uliedhom huma stess bil-karozza privata tagħhom u ovvjament jagħmlu l-istess x’ħin jispiċċaw mill-iskola. Ir-riżultat ikun żjieda ta’ eluf ta’ karozzi għaddejjin mit-toroq tagħna.

    Fl-isfond ta’ dan kollu nħoss li għandi nfakkar x’wegħedna bħala Partit Laburista fil-Programm Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017 speċifikament dwar din is-sitwazzjoni partikolari. 

    Fil-Kapitlu Trasport u bis-sotto-titlu Trasport b’superviżjoni b’xejn għall-iskejjel kollha kien dikjarat li huwa stat ta’ fatt li l-akbar konġestjoni tat-traffiku sseħħ fil-peak hour ta’ filgħodu meta jsiru ħafna vjaġġi lejn l-istess postijiet (partikolarment skejjel u lokalitajiet ċentrali) fl-istess ħin. Għalhekk se nwessgħu s-sistema tat-trasport b’xejn għall-iskejjel b’din l-opportunità tingħata lill-istudenti kollha f’kull skola kemm tal-Gvern, tal-Knisja u anke dawk privati. Is-servizz ikollu wkoll superviżjoni waqt il-vjaġġ. Dan għandu jinċentiva aktar ġenituri jagħmlu użu mis-servizz flok bil-karozza tagħhom.

    Din il-wegħda se tkun qed titwettaq fi ftit jiem oħra mal-bidu tas-sena skolastika. Huwa kalkulat li ras għal ras familja li għandha wild wieħed li jattendi skola tal-Knisja jew indipendenti se tkun qed tiffranka madwar €700 fis-sena. Pakkett li komplessivament se jkun qed jiswa’ lill-Istat madwar €26 miljun. 

    Ċertament li dak li l-familji Maltin u Għawdxin se jkunu qegħdin jiffrankaw bl-implimentazzjoni ta’ din il-Wegħda Elettorali se jgħinhom biex ikomplu jgħollu l-livell ta’ għixien tagħhom. 

    Imma dan mhux kollox fejn  jirrigwarda studenti u trasport. Fi-Kapitlu Edukazzjoni taħt is-sotto-titlu Studenti żgħażagħ f’dinja ta’ opportunitajiet għidna li minħabba wkoll li l-mobbiltà hija essenzjali għall-istudenti u għax irridu nrawmu kultura ta’ vjaġġar aktar sostenibbli se nkunu qegħdin ninċentivaw lill-istudenti billi nagħtu servizz ta’ trasport pubbliku b’tal-linja b’xejn is-sena kollha. Miżura li minnha se jkunu qegħdin jibbenefikaw iż-żgħażagħ kollha ta’ bejn is-16 u l-20 sena.

    Dawn huma tnejn biss minn sensiela ta’ miżuri fil-qasam edukattiv b’risq it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għax aħna verament nemmnu li l-edukazzjoni mhix biss iċ-ċavetta ewlenija tal-mobbiltà soċjali għal kull individwu, iżda wkoll is-sinsla tal-progress tagħna bħala nazzjon.

    Nieħu din l-opportunità biex nawgura lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna sena skolastika mill-aqwa li fi tmiemha tkun tfisser għalihom pass ieħor ‘il quddiem fl-aspirazzjonijiet edukattivi tagħhom.

    Sadattant għall-ġenituri li se jkunu qegħdin jibbenefikaw għall-ewwel darba mill-miżura ta’ trasport b’xejn għal uliedhom din hija prova oħra li dak li nwegħdu inwettquh.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0