ASSENZA U ASTENSJONI

  • Set 17, 2018 08:06
  • Miktub minn Alfred Sant

    Is-sistema tal-votazzjoni fil-Parlament Ewropew (mhux bħal f’dik ta’ Malta) tippermetti tliet modi kif tivvota: iva, le, u astensjoni. Naħseb li hi sistema tajba.

    Problema madankollu tqum meta għall-vot jitpoġġew affarijiet li fil-fehma ta’ deputat qatt ma messhom tressqu quddiem il-Kamra jew qatt ma messhom tressqu bil-mod li jkun intuża. 

    F’każ hekk – jidhirli – l-aħjar triq tkun li wieħed ma jiħux sehem fil-vot. Kelli nsegwiha l-ġimgħa li għaddiet meta tressqet riżoluzzjoni biex il-gvern Ungeriż jiġi sanzjonat mill-Unjoni Ewropea. 

    Kull kwistjoni dwar governanza interna fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandha titqies bħala delikata ħafna. M’hemmx dubju, ċerti valuri essenzjali għad-demokrazija Ewropea għandhom jiġu rispettati minn kulħadd.  U għalhekk il-proċess li bih tiġi mistħarrġa kwalunkwe problema f’dal-qasam, tqum fejn tqum, għandu jkun oġġettiv u trasparenti għall-aħħar.

    Fil-Parlament Ewropew żgur li dan mhux qed jiġri. Il-proċess jinħema bla trasparenza u b’mod politiċizzat. Hekk qed jiġri dwar il-każ ta’ Malta li dwarha wkoll tqajmu allegazzjonijiet dwar governanza.

    La l-proċess hu vizzjat, sehem fil-vot dwaru, anke b’astensjoni, jagħtih leġittimità li m’għandux.

    SIĠAR

    Qed ikun hemm wisq stejjer dwar ġonna li qed jinqerdu biex minflokhom jitilgħu t-torrijiet koroh ta’ appartamenti. Dan barra mit-tneħħija ta’ siġar f’posijiet publiċi u t-tnaqqir ta’ art agrikola.

    L-annimali għandhom strutturi publiċi li tajjeb jew ħażin, huma kommessi biex iħarsuhom mill-moħqrija. Teżisti wkoll fost il-poplu kuxjenza dejjem tissaħħaħ favur dal-ħarsien.

    L-istess ma jistax jingħad dwar il-ħarsien tas-siġar. L-aktar li naslu hu sa sforzi biex is-siġar jitħarsu fil-qafas ta’ politika ambjentali serja.

    Wasalx iż-żmien li bħal f’xi stati Amerikani, ikollna għaqda ddedikata biss għall-“ħbiberija” lejn is-siġar?

    IŻ-ŻMIEN TA’ JUNCKER

    Mhux għal kollox tort tiegħu, imma l-bilanċ dwar il-ħidma ta’ Jean Claude Juncker u tal-Kummissjoni Ewropea li jmexxi ma tantx hu favorevoli. Resqin lejn it-tmiem tal-mandat tal-Kummissjoni u ftit hemm ċans li l-affarijiet se jitjiebu drastikament.

    Hu minnu li l-aħħar kriżi finanzjarja dwar il-Greċja, il-Brexit u l-fawra tal-immigrazzjoni ma tistax twaħħalhom fuqu. Madankollu, Juncker kien wiegħed li se jmexxi Kummissjoni li tkun “politika” mhux teknokratika. F’dawn il-kriżijiet wera li ma kellux il-mezzi biex b’xi ċans ta’ suċċess, iħaddem l-istil politiku li wiegħed.

    L-istess konklużjoni tgħodd għal oqsma oħra, bħal fiż-żona tal-ewro u fil-progress li wiegħed dwar il-firxa diġitali fl-Ewropa.

    Jista’ jkun li l-problema kienet li minħabba l-impenn li baqa’ juri għal “aktar Ewropa”, f’sens politiku ħarrek il-fehma fost l-istati membri li jaqblilhom iħarsu l-interessi tagħhom billi jasserixxu s-supremazija tal-Kunsill.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0