Gwardjan... Żball mill-kbar... Proġetti turistiċi

  • Set 24, 2018 08:48
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri ippronunzja ruħu b’mod negattiv dwar proġett kbir li qed jiġi propost f’Pembroke. Il-kumpanija li tagħha hu direttur ħarġet tiddiżassoċja ruħha minn dak li qal, għalkemm ma kienx daqstant ċar jekk riditx tgħid li ma taqbilx mal-verdett tiegħu, jew jekk li f’dan il-verdett hi ma kellha x’taqsam xejn. 

     Jekk tal-aħħar, ma nafx kif xi ħadd seta’ jistħajjel li dil-kumpanija kienet involuta fil-fehma tal-Gwardjan. Jekk tal-ewwel, l-episodju jixhed il-problemi ta’ soċjetà ċkejkna bħal tagħna biex toħloq istituzzjonijiet moderni li jassiguraw trasparenza u akkontabilità fit-tmexxija publika.

    M’għandix dubji mill-integrità personali tal-Gwardjan. Ninsab żgur li jipprattika d-distinzjoni li teżisti bejn ir-rwol publiku tiegħu u l-ħidma li jmexxi fi ħdan il-kumpanija. Imma jidher li din ikkonkludiet li l-fehma li fisser fir-rwol publiku tiegħu tista’ taffettwa ħażin il-qagħda kummerċjali tagħha.

    Lil hinn minn hekk, l-episodju qajjem dubji dwar x’siwi jista’ jkollu r-rwol tal-Gwardjan. Ifisser fehmtu u l-ħajja tibqa’ miexja, qisu ma ġara xejn.

    ŻBALL MILL-KBAR

    Id-deċiżjoni dwar il-binja “turistika” f’Pembroka hi żball mill-kbar, u mhux biss għax il-valur tal-art tkejjel biċ-ċenteżmi. Jidher li l-ebda gvern Malti ma hu lest jitgħallem mill-esperjenza. Il-proġett jaqa’ fl-istess linja tad-diżastri għall-interess publiku li seħħew sa issa fosthom f’Chambrai, f’Tigne Point u fi Smart City, barra minn oħrajn.

    Huma proġetti mkewsa hekk: il-gvern jagħti art bl-irħis ħafna jekk mhux b’xejn kontra l-wegħda li fuqha se jittella xi kapolavur turistiku li jkattar impjiegi u attività ekonomika mill-aqwa. It-test kruċjali ta’ dawn il-wegħdi dejjem kien u jibqa’: il-proġett se jitħaddem waħdu? Malajr issib li le. Igħodd fih il-proposta li se jinbnew għall-bejgħ lis-sinjuri, appartamenti “lussużi” fuq l-art miksuba biċ-ċekċik. 

     Sadattant, il-konsegwenzi fuq l-ambjent, l-infrastruttura, il-wirt storiku u aspetti oħra kwalitattivi ta’ kif għandha tingħex il-ħajja, jingħataw il-ġenb. Uħud jispiċċaw jagħmlu profitti kbar minn dal-maniġġ.

    PROĠETTI TURISTIĊI

    Kif naraha jien, ilu li wasal iż-żmien li mmorru lura għall-politika ta’ inċentivi għat-turiżmu li kienet timexxa fis-snin sittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor.

    Jekk art publika se tingħata bir-ribass u b’kondizzjonijiet favorevoli għal proġett turistiku, dan għandu jikkonsisti esklussivament fi proposta turistika u mhux jiġi assoċjat ma’ binjiet residenzjali jew kummerċjali. Għall-art ta’ dawn, irid jitħallas il-prezz tas-suq. 

    Min jinqeda bl-argument li b’inċentiv ta’ dat-tip, la jkollna faċilitajiet turistiċi ġodda u lanqas jiġġeddu dawk li diġà għandna, qed jgħid li t-turiżmu fostna hu vijabbli biss jekk jiġi sussidjat doppjament. Xejn mhi inkoraġġanti konklużjoni bħal din dwar settur li jiġi t-tieni l-aqwa fil-pajjiż.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0