Nhar il-Ħamis, 20 ta’ Settembru 2018, flimkien mal-Ministri kollegi Edward Scicluna u Owen Bonnici ltqajt ma’ delegazzjoni Ewroparlamentari mmexxija mill-MEP Sophie in ‘t Veld u li kienet tinkludi lil tliet Membri Parlamentari Ewropej oħrajn – Josef Weidenholzer, Sven Giegold u l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola. Delegazzjoni li ġiet biex skont huma jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt f’Malta u li bbażaw l-argumenti tagħhom bażikament fuq allegazzjonijiet u mhux fatti.
Ħadna l-okkażjoni biex għal darb’oħra wrejna lid-delegazzjoni li jkun ferm żbaljat li tibbaża fuq allegazzjoni aktar u aktar meta mbagħad il-fatti jikkontradixxu u jwaqqgħu kompletament l-allegazzjonijiet. Enfasizzajna li kull allegazzjoni serja tkun investigata imma l-Gvern huwa tal-fehma li l-għaqal jitlob li wieħed jistenna l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet li jkunu qegħdin isiru u mbagħad jitkellem u mhux li jaslu għal konklużjonijiet prematuri.
Il-kwistjoni ta’ Egrant f’dan il-pajjiż għallmitna ħafna. Saru ħafna allegazzjonijiet serji li wasslu biex isir Inkjesta Maġisterjali fuq il-Prim Ministru u familtu. Allegazzjonijiet li wara xhur twal u investigazzjoni b’reqqa liema bħalha mill-Maġistrat Aaron Bugeja, wasslu biex tinħareġ il-verità, Egrant mhiex ta’ Michelle Muscat jew tal-familja Muscat.
Aħna bħall-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi emmina lill-Prim Ministru qabel ma nħareġ ir-riżultat tal-inkjesta u għalhekk pajjiżna seta’ jkompli jimxi ‘l quddiem f’aktar serenità. Għalkemm qlajja bħal din ħsara għamlet u mhux ftit. Iżda kieku l-poplu emmen l-allegazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista bbażża kampanja elettorali fuqhom, illum is-sitwazzjoni f’pajjiżna m’hi xejn feliċi. Kieku llum għandna Gvern illeġittimu. Huwa għalhekk li rridu nitkellmu u nisħqu li nitkellmu fuq fatti u mhux allegazzjonijiet.
Mal-Membri Parlamentari Ewropej, ħadna wkoll l-opportunità biex għal darb’oħra nuru lid-delegazzjoni Ewroparlamentari x’għamel Gvern Laburista tul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs biex saħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna għax jemmen fil-konkret li f’pajjiżna ħadd m’hu, u ħadd m’għandu jkun, ‘il fuq mil-liġi u biex verament insaħħu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Spjegajna li kien Gvern Laburista li neħħa l-liġi tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi, dan ifisser li jien u kull wieħed minn sħabi nibqgħu responsabbli ta’ għemilna għal dejjem. Kien Gvern Laburista li daħħal il-proċess ta’ skrutinju parlamentari fl-ingaġġ ta’ persuni f’karigi pubbliċi, u li neħħa l-libell kriminali biex b’hekk saħħaħ il-Liġi tal-Istampa.
Madankollu nħoss li għandi nirrimarka dwar il-fatt li d-delegazzjoni Ewroparlamentari kienet tinkludi lil MEP Maltija mill-Partit Nazzjonalista, li sinċerament ma nistax nifhem kif din tgħid li ġiet “biex tinvestiga” dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna meta kienet ilha li xebgħet takkuża li s-saltna tad-dritt f’Malta ma jeżistix. Ara fil-każ tas-Slovakkja d-delegazzjoni Ewroparlamentari ma kienet tinkludi ebda MEP Slovakk.
Finalment spjegajna li f’sistema demokratika bħalma hija tagħna l-aħħar kelma hija tal-poplu li lejh huwa kontabbli l-Gvern tal-pajjiż. Il-Gvern Laburista poġġa lilu nnifsu għall-iskrutinju tal-poplu sena qabel iż-żmien f’Ġunju 2017 u min-naħa tiegħu l-poplu wera fih fiduċja saħansitra akbar milli kien wera f’Marzu 2013.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.