VJOLENZA

  • Set 27, 2018 08:27
  • Miktub minn Alfred Sant

    Huma importanti d-dimostrazzjonijiet għax iqanqlu u jsaħħu għarfien fost il-poplu ta’ problema. Imma jiġi mument meta jkollok tistagħġeb kif nibqgħu fl-istadju tad-dimostrazzjoni u ma jkunx sar progress għas-soluzzjoni tagħha. Id-dimostrazzjoni donnha ssir metodu biex nikkalmaw it-tniggiż tal-kuxjenza għax ikun sar xejn jew ftit.

    Fil-każ tal-vjolenza domestika u fuq in-nisa il-miżuri li għandhom jittieħdu huma magħrufa. Ma jirrekjedu xejn ta’ barra minn hawn, la f’finanzi, jew f’riżorsi umani u lanqas f’infrastruttura. Jeħtieġu żgur azzjoni u miżuri sostnuti, li ma humiex spettakolari għalkemm iridu jitwettqu b’koerenza mis-servizzi legali, tal-pulizija u tal-kura soċjali fl-istat. Personnel fl-oqsma amministrattivi u tas-sigurtà irid jingħata taħriġ u muri li f’dal-qasam il-ħidma trid issir b’impenn u bla kantunieri. Ovvjament l-appoġġ minn fuq nett jibqa’ essenzjali biex l-affarijiet ma jerġgħux jorqdu.

    Il-fatt li jinħass il-bżonn ta’ dimostrazzjonijiet jindika nuqqas ta’ diliġenza fit-twettieq ta’ miri “sempliċi” bħal dawn.

    KIRJIET

    Attendejt konferenza dan l-aħħar organizzata mill-Malta Institute of Management dwar jekk is-suq tal-kirjiet ta’ djar u appartamenti f’Malta hux qed jiżviluppa f’bużżieqa li daqt tinfaqa. Li das-suġġett hu ta’ attwalità min-naħa tan-negozji fil-qasam hu fatt kurjuż.

    Għalihom, bilfors hu pożittiv it-tkabbir li qed iseħħ fil-bejgħ, fix-xiri u fil-kiri ta’ djar u appartamenti. Biss jibżgħu li l-istorja hi sabiħa wisq u bilfors se tikrieh, aktar kmieni milli tard, aktar f’daqqa milli bil-mod. Imma meta u kif?

    Peress li ninsabu f’qagħda li għaliha ma tantx kien hawn preċedenti, ir-risposta li jista’ jagħti  wieħed, ftit se taqbel ma’ li jagħti ieħor. Għalhekk ftit joffru tweġiba definittiva. Forsi mill-perspettiva tan-negozji, l-aktar ħaġa utli hi li huma jkunu organizzati ħalli jibdlu l-mod ta’ kif joperaw malli tinbidel il-klima ekonomika madwarhom.

    DELON

    Interessanti ħafna l-intervista li ta l-attur Alain Delon il-ġimgħa l-oħra lill-ġurnal “Le Monde”. Għal xi ħadd bħali li l-aktar li jiftakar lil Delon hu bħala raġel kważi żagħżugħ b’dehra mill-aktar attrajenti fil-films ta’ żmienu, kien xokk tirrealizza li issa Delon hu anzjan ta’ 83 sena.

    Għandu ħafna xi jgħid dwar ħajtu u l-karriera tiegħu. Pereżempju ma kontx naf li bħala tifel, kien jgħix ma’ missieru tar-rispett fil-ħabs fejn dan kien gwardjan. Fl-istess żmien, ġie fuċillat hemm Pierre Laval, il-Prim Ministru li “mexxa” lil Franza okkupata min-Nazi.

    Delon jagħmel distinzjoni stretta bejn l-atturi li fi żmienu kienu tal-mestier, bħal Jean Pierre Belmondo, u dawk li bħalu qatt ma tgħallmu kif jirreċtaw imma sempliċement ġabu ruħhom fuq l-iskrin skont kif ħassew li kellhom jagħmlu. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0