Nistedinkom iżżuru Palazzo Castellania

  • Ott 03, 2018 08:17
  • Miktub minn Chris Fearne

    Palazzo Castellania huwa l-post li fih jilqa’ l-Ministeru għas-Saħħa. Jinsab fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, ftit passi bogħod mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Palazzo Castellania huwa wieħed mid-diversi postijiet ta’ interess fil-Belt li nhar is-Sibt li ġej, meta għal darb’oħra se tittella’ l-attività Notte Bianca, se jkun miftuħ għall-pubbliku.

    Nistiednek mill-qalb iżżur dan il-post mill-aktar interessanti u li jġorr miegħu storja li tmur lura  mijiet ta’ snin. Parti mill-wirt arkitettoniku u storiku ta’ ġensna. Se jkun hemm jistennewk nies apposta biex idawruk il-post u jagħtuk tagħrif dwaru.

    Palazzo Castellania huwa binja li tmur lura aktar minn 250 sena, żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Palazz kien ikkummissjonat fis-sena 1757 mill-Gran Mastru Emmanuel Pinto li dam Gran Mastru tal-Ordni mis-sena 1741 sas-sena 1773. Il-Perit tal-binja kien Francesco Zerafa li ma kellux ix-xorti jaraha lesta għax miet għall-għarrieda, bix-xogħol jidħol għalih il-Perit Giuseppe Bonnici. Il-bini tlesta fi żmien tliet snin, fl-1760.

    L-ewwel sehem ta’ Palazzo Castellania kien biex iservi bħala Qorti. Minbarra l-uffiċċju u s-Sala tal-Qorti f’dan il-post hemm ukoll kappella u ċelel għall-priġunieri, ċelel li fihom hemm graffiti storiċi li għadhom jidhru sal-lum. Fost dawk li qattgħu ġranet f’dawn iċ-ċelel kien hemm Mikiel Anton Vassalli, Missier l-Ilsien Malti (1764 – 1829), qabel kien deċiż mill-ħakkiema Ingliża li jkun eżiljat. Baqa’ jservi ta’ Qorti anke għal numru ta’ snin matul il-ħakma Ingliża, sakemm il-qrati ttieħdu fil-Berġa d’Auvergene fl-1853. Għal perjodu qasir il-post serva wkoll bħala skola sekondarja tal-bniet, biex imbagħad tħalla abbandunat għal kważi nofs seklu.

    Kien fis-sena 1895 meta ġie deċiż li Palazzo Castellania jibda jilqa’ fih l-uffiċċji tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, xiħaġa li għadha għaddejja sal-lum. Kien f’din il-binja li t-Tabib u Arkeologu Sir Temi (Temistokle) Zammit sab li l-ħalib tal-mogħoż kellu l-batterji tal-Melitensis Brucellosi komunament magħrufa bħala “tad-deni rqiq”. Il-laboratorju ta’ Sir Temi Zammit għadu f’Palazzo Castellania. 

    Bosta aspetti arkitettoniċi tal-post jenfasizzaw is-sbuħija tiegħu. Fuq il-faċċata barokka tal-binja tispikka l-arma imqammra tal-Gran Mastru Pinto flimkien ma’ figuri fl-irħam li jirrappreżentaw il-Ġustizzja u l-Verità. Il-Palazz huwa mogħni bi stil barokk eleganti, b’taraġ tal-irħam wiesa’ li jwasslek għal dik li qabel kienet is-Sala tal-Udjenzi tat-Tribunal. Ammirabbli hija l-funtana semiċirkolari kbira fil-bitħa, bil-vaska tal-ġebel fin-nofs issejjes ajkla.

    Tul l-attività ta’ nhar is-Sibt li ġej is-Sala tat-Tribunal, il-Laboratorju ta’ Sir Temi Zammit u waħda miċ-ċelel fejn kienu jinżammu kalzrati jistennew id-destin tagħhom dawk il-persuni li jkunu għaddew proċeduri quddiem it-Tribunal se jkunu miftuħin għall-pubbliku. 

    Nhar is-Sibt li ġej Palazzo Castellania mhux se jkun disponibbli biss minn ambjent storiku imma wkoll minn attwalità. Se jkun hemm rappreżentanza mid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa li se jkunu qegħdin jagħtu pariri dwar ħajja sana u pariri għal min jixtieq jaqta’ t-tipjip. Se jkun hemm ukoll rappreżentanza tad-Dipartiment tal-Kura Primarja li se jkunu qegħdin jagħmlu testijiet għal zokkor fid-demm u għall-pressjoni.

    Konvint li kull min jiddeċiedi li nhar is-Sibt li ġej iżur Palazzo Castellania mhux se jiddispjaċih. 

    Ritratt:

    Statwa ta’ mara b’wiċċha mgħammad u b’miżien f’idejja li tissimbolizza ĠUSTIZZJA tinsab fil-ġenb tat-taraġ li jwasslek għal dik li kienet isservi bħala Sala tal-Udjenzi tat-Tribunal f’Palazzo Castellania.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0