L-NGOS TAS-SALVATAĠĠ

  • Ott 04, 2018 08:11
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ħafna fl-Ewropa, qed iqisu bħala eroj lill-membri tal-għaqdiet mhux governattivi (NGOs) li qed jorganizzaw is-salvataġġ tal-immigranti fil-baħar tal-Mediterran.  Jaraw dax-xogħol bħala ħidma umanitarja u ta’ min jagħtiha kull appoġġ. L-NGOs qiegħdin jistinkaw biex isalvaw lil bnedmin mill-għarqa.

    Jien wieħed minn dawk li ma naqbilx ma’ dal-ġudizzju għalkemm kif jesprimi ruħu dwarhom il-ministru Taljan tal-intern Salvini aktar qanqal simpatija lejhom.

    Il-verità hi li b’ħidmiethom dawn l-NGOs effettivament qed jagħtu palata lit-traffikanti tal-bnedmin fl-Afrika. Jekk il-biża’ mill-perikli tal-baħar seta’ serva ta’ deterrent għall-moviment bla rażan u llegali tal-persuni, il-preżenza u l-interventi tal-vapuri tal-NGOs idgħajfu sew dan l-effett. Anzi, l-NGOs qed joħolqu inċentiv għat-traffikanti fil-mod kif “ibigħu” il-passaġġi bil-baħar li joffru.

    Ta’ min jinnota wkoll kif l-NGOs tas-salvataġġ joriġinaw minn pajjiżi li mhumiex fil-Mediterran u fil-maġġoranza, il-membri tagħhom mhumiex ċittadini ta’ xi pajjiż f’din iż-żona. L-immigranti li “jsalvaw” ma jeħduhomx f’pajjiżhom.             

    WIRT STORIKU

    Smajna b’kemm-il storja dwar żviluppaturi li biex iħaffu x-xogħol tal-bini, jgħaġġluh u jiġu jitmejlu mill-miżuri ta’ salwagwardja għal fdalijiet storiċi jew ta’ valur ieħor fis-sit li jkollhom taħt idejhom. Il-kalkolu jkun li meta l-fdalijiet ikunu twarrbu għal dejjem, kulħadd jaċċetta l-biċċa bħala fatta. L-aktar li tmur fin-nofs, tkun xi multa.

    Ħabib tiegħi li jaf kif isiru l-affarijiet fissirli li dan mhu bl-ebda mod tort tas-servizzi ta’ ħarsien tal-wirt storiku u ambjentali. Sa fejn jistgħu, huma jżommu l-attenzjoni fuq kull bini li jkun għaddej. Anke dar qadima residenzjali li qed tiġi modernizzata strutturalment trid tistenna biex qabel jitwettqu bidliet, l-ispetturi involuti jagħmlu ż-żjarat tagħhom. Sakemm dawn jagħtu l-iva tagħhom, ix-xogħlijiet jibqgħu wieqfa.

    Ma weġibx meta saqsejtu jekk dan ifissirx li maż-“żgħar” il-ħarsien qed jirnexxi, imma forsi mhux mal-“kbar”.

    STRASBURG

    Ili issa erba’ snin, kull xahar inżur il-belt ta’ Strasburg, minn fejn qed nikteb din. Hi belt sabiħa u hu pjaċevoli żżurha... meta tkun wasalt fiha. Il-bużillis hu preċiżament dan: għalkemm tippreżenta ruħha bħala l-“kapitali” tal-Ewropa, ta’ spiss diffiċli tasal fiha b’mod konvenjenti, jekk ma titlaqx minn qribha. Il-konnessjonijiet bl-ajru xejn mhuma tajba. L-ajruport innifsu mhux organizzat tajjeb. Mid-dehra, iċ-ċittadini ta’ Strasburg ma kinux lesti jinvestu fl-infrastruttura għat-trasport bl-ajru. Ħafna sal-lum jitilqu bl-ajru għall-vaganzi tas-sajf minn Frankfurt.

    Il-paradoss imbagħad hu li għat-trasport publiku fil-belt innifisha, l-awtoritajiet tal-belt ma qagħdux lura. Is-servizz tat-trammijiet u tax-xarabank hu modern u impekkabbli fl-operat tiegħu – barra milli fit-toroq kollha, jingħata priorità sħiħa, ħaġa li tagħmlu aktar effiċjenti minn kull servizz ieħor.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0