Miżien kif jaqbel lilna

  • Ott 05, 2018 08:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Suppost li meta jkollna prinċipju dan għandu japplika dejjem għax inkella ma jibqax prinċipju iżda jsir biċċa lastiku li jaqbel lilna.  Sfortunatament dan isir kuljum fuq kull livel – dak individwali, dak nazzjonali u anki internazzjonali.

    Fuq eżempji internazzjonali hemm ħafna eżempji.  Ħa nsemmi xi ftit riċenti.  Ir-rieda tal-poplu li tiġi rispettata hu fattur importanti tad-demokrazija.  Biss meta ma jaqbilx ninsewh.  Eżempji ċari huma Brexit u anki l-vot ta’ sena ilu fil-Katalonja, Spanja.  Ħafna li ma jaqblux ma’ Brexit jgħidulek li hemm bżonn jittieħed vot ieħor peress li n-nies ma kellhomx informazzjoni tajba.  Il-mistoqsija tiegħi hi – f’liema elezzjoni kull persuna li tivvota tkun taf kollox? U fuq kollox jekk jinbidel il-vot issa, xi sentejn oħra ser jerġa’ jkollna vot ieħor biex naraw jekk il-poplu hux kuntent?  Għalija din qiesha logħba futbol.  Jekk it-tim tiegħi jitlef, għandi dritt li l-logħba terġa’ tintlagħab peress li naħseb li l-plajers tat-tim tiegħi ma kienux fl-aħjar tagħhom?   U jekk it-tim tiegħi fit-tieni logħba jirbaħ, it-tim li tilef jista’ jerġa’ jitlob li terġa’ ssir il-logħba mill-ġdid?!

    Eżempju ieħor hu l-vot tal-Katalonja fi Spanja sena ilu u l-vot tal-Ħadd li għadda tal-Maċedonja.  Il-vot fi Spanja sena ilu kien favur indipendenza tal-Katalunja, iżda ħafna ma qiesuhx validu għall-żewġ affarijiet.  L-ewwel l-ammont ta’ nies li vvutaw kien ħafna anqas min-nofs il-popolazzjoni (issa ninsew l-isforzi u l-aggressivita’ tal-Pulizija biex ma jħallux lin-nies jivvutaw) u li kien imur kontra l-kostituzzjoni.  Fuq it-tieni parti l-mistoqsija li tqum hi:  liema hi l-aktar importanti – ir-rieda tal-poplu jew il-liġi?  Jekk naqblu li l-liġi allura tajjeb jagħmel stat dittatorjali li ma jħallix protesti kontra n-nuqqas ta’ liberta’, għax li l-liġi ta’ pajjiż bħal dan tkun kontra l-liberta’?  

    Naraw l-argument l-ieħor li ftit li vvutaw.  Il-bieraħ kien hemm vot jekk il-Maċedonja għandhiex tibdel isimha għal Maċedonja ta’ Fuq minħabba kwistjoni mal-Greċja li minħabba fiha l-Greċja mhix lesta li taċċetta li l-Maċedonja tissieħeb fl-Unjoni Ewropea u fin-NATO.  

    Fl-aħħar sigħat ivvutaw biss madwar 30% tal-popolazzjoni u skont il-liġi tagħhom mhux validu.  Biss peress li kien hemm madwar 90% li vvutaw biex jinbidel l-isem qed isir sforz biex ir-riżultati isir validu minkejja l-ligi għax b’hekk it-triq tinfetaħ u l-Maċedonja tkun tista’ ssir membru tal-UE u n-NATO u ma tkunx taħt l-influwenza Russa. 

    Fil-vot ta’ sena ilu tal-Katalonja ivvutaw 43% u 90% kienu favur l-indipendenza 13% aktar mill-vot tal-Maċedonja.  Biss peress li il-vot tal-Maċedonja kien jaqbel għal ċertu nies dan għandu jiġi aċċettat iżda tal-Katalonja le, għax niksruha mal-Gvern Spanjol, tmur kontra l-interessi tal-UE u tan-NATO.!

    Il-liberta’ tal-kelma hu prinċipju ieħor li jiġġebbed kif jaqbel lilna.  Dan l-aħħar ġie rrappurtat li qed isiru sforzi biex Ġieħ ir-Repubblika li ngħata lil Toni Zarb għandu jitneħħa għaliex għadda rimarki fuq DCG.  Issa ninsew il-fatt li r-rimarki li għadda huma l-fehma ta’ ħafna nies.  Dawn ma jesprimuhomx għaliex illum mhux ‘politically correct’ li tikkritika lil xi ħadd mejjet.   Biss ara jekk int tkun ġurnalista ħabib tiegħi, hemmhekk anki jekk int tigdeb fuq in-nies u anki tgħajjar lill-mejtin, int għandek ikollok il-liberta’ kollha mingħajr l-ebda tfixkil.  Imma jekk int ċittadin, le.  Dawn mhux drittijiet tiegħek sieħbi, għax int ċittadin ordinarju u mhux favur tagħna!

    Kompetizzjoni (i)

    Il-kompetizzjoni f’pajjiż żgħir bħal tagħna hi diffiċli.  Biss din tkompli tikkomplika ruħha meta jkun diffiċli biex tkun taf il-prezz veru ta’ xi oġġett.  Kemm jiswa oġġett jiddependi minn numru ta’ affarijiet.  Il-prezz tiegħu jagħtina indikazzjoni sew ta’ kemm jiswa.  Iżda l-prezz waħdu mhux biżżejjed.  Il-kwalita’ tal-oġġett hu fattur ieħor.  Dan il-fattur hu diffiċli biex tikkalibrah għax jerġa’ jiddependi fuq ħafna affarijiet oħra li l-importanza tagħhom tiddependi fuq il-persuna.  

    Biss hemm fattur ieħor li ħafna drabi jintuża mal-prezz biex tkun tista’ tikkalkula kemm verament jiswa oġġett.  Din hi l-kwantita’ ta’ dak l-oġġett li int tkun tista’ tixtri bil-prezz indikat.  Settur ta’ negozju fejn sew il-prezz u l-kwantita’ jintużaw b’mod regolari u b’sempliċita’ hu l-bejgħ tal-ħaxix.  Il-prezz tal-ħaxix ġeneralment ikun kull kilo.  Dan jagħmila sempliċi biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddeċiedu mingħand jaqbillhom jixtru.  

    Sfortunatament anki f’dan is-settur dan it-tip ta’ prezz qed jinqata’.  Settur ieħor fejn qabel kien jintuża u llum spiċċa hu fil-bejgħ tal-ħobż.  L-anzjani jiftakru li meta kienu jixtru l-ħobż dan kien jintiżen.  Meta ġie illiberalizzat is-suq tal-ħobż, l-Għaqda kienet talbet lill-Gvern biex għallanqas il-ħobż jinbiegħ kull kilo biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkomparaw il-prezz - talba li ma kinitx ġiet milqugħa.  

    Biex inkunu ċari u kulħadd jifhem meta oġġett jiġi liberalizzat ifisser li dan l-oġġett m’għandux prezz fiss, iżda l-prezz jiddeċidih il-bejjiegħ.  Dan qed niktbu għax għad hawn ħafna konsumaturi li għadhom jistennew li l-prezz tal-oġġetti jkun iffissat.  Fil-fatt hawn ħafna nies li jgergru għaliex il-prezzijiet mhux l-istess.

    Jekk nerġgħu niġu għall-ħobż, illum spiċċajna li ma nafux kemm hu veru l-prezz tal-ħobż għaliex l-użin tal-ħobż ivarja minn ħanut għall-ieħor.

    Biex ngħidu kollox, suppost li mal-prezz fuq il-maġġoranza tal-oġġetti li jinbiegħu jkun hemm prezz ieħor.  Dan imsejjaħ il-prezz unit – prezz li jimmarka kemm dak l-oġġett jiswa kull kilo jew kull litru jew kull metru skont l-oġġett.  

    Minkejja li għandna liġi dwar dan, l-isfortuna kienet li xi snin ilu l-MCCAA, li twaqqfet mill-Gvern biex tħares id-drittijiet tal-konsumaturi, dawret il-liġi biex il-maġġoranza tal-ħwienet ma jkollhomx obbligu li juru dan il-prezz!  U llum il-konsumaturi Maltin isibuha diffiċli, sakemm ma tieħux calculator miegħek, biex tikkompara kemm verament jiswa oġġett.  Biss l-importanti mhux il-konsumatur iżda li tal-ħanut ma jurix kemm verament jiswa l-oġġett!

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0