MORALITÀ SEKULARI

  • Ott 11, 2018 08:02
  • Miktub minn Alfred Sant

    Meta l-Ewropa kienet magħquda fi spazju Nisrani matul iż-Żminijiet tan-Nofs, il-kejl ta’ x’kien morali jew le fil-ħajja privata u publika kien l-istess kullimkien. Kellna ċentru wieħed ta’ ġudizzju u poter morali li tajjeb jew ħażin kien aċċettat minn kulħadd jew kważi. L-Ewropa kienet bħall-Iran illum.

    Ma jfissirx li ma seħħewx abbużi u rewixti ta’ kull tip u minn ħafna, imma l-istabbiltà fil-valuri ta’ imġiba kienet ċara.

    Bil-qawmien ta’ ħsieb li seħħ fis-Seklu tad-Dawl u bl-iskoss li qanqlet ir-Revoluzzjoni Franċiża daħlet ir-regola li wara kollox tinsab fil-Vanġelu: dak li hu ta’ Alla għal Alla, dak li hu ta’ Ċesri, lil Ċesri.

    Dan ġab miegħu il-ħtieġa ta’ moralità sekulari fit-tmexxija publika u fil-ħajja privata. Il-prinċipji li jiggwidaw dil-moralità huma fluwidi. Inbidlu kemm-il darba fl-aħħar żewġ sekli. M’hemmx kunsens dwar sa fejn għandhom iwasslu. Niddubita kemm il-kunsens hu possibbli.

    Forsi aħjar hekk. Il-ħajja tal-bniedem ma tistax tingħalaq fil-kxaxen ta’ regoli li qatt mhuma se jinbidlu.

    “COVERED BONDS”

     Ma nużawhomx f’Malta. F’pajjiżi ewlenin tal-Unjoni Ewropea jagħtu kontribut kbir ħafna lis-setturi finanzjarji. Jissejħu “covered bonds” – “ċedoli mgħottija” fi traduzzjoni litterali li ma tantx tfisser.

    Jikkonsistu filli banek u istituzzjonijiet finanzjarji joħorġu self garantit permezz ta’ lott ta’ proġetti tal-aqwa valur, waqt li xorta, min qed jissellef ikun jista’ jdur lejn il-bank jew min qed joħroġhom jekk iqumu l-problemi.

    Tant huma sodi dawn iċ-ċedoli li matul ir-riċessjoni tal-2008, kienu fost l-għodod finanzjarji li baqgħu l-aktar imfittxija.

    Sal-lum, dejjem ħarġu fuq bażi nazzjonali. Issa, bħala parti mill-isforz biex tinħoloq għaqda tas-swieq kapitali fl-Ewropa, hemm ħidma biex il-“covered bonds” jinħarġu fuq skala Ewropea.

    Qed nagħmilha ta’ rapporteur għas-soċjalisti tal-Parlament Ewropew f’dan l-eżerċizzju. Għalija, l-aqwa għan hu li niżguraw kif dak li qed jaħdem tajjeb fuq bażi nazzjonali, ma jixxekkilx b’xi sidrija Ewropea.

    GIO. NICOLO MUSCAT

    Ħadt sehem m’ilux ħafna fit-tnedija ta’ ktieb tal-istoriku Frans Ciappara “Church-State Relations in late eighteenth-century Malta”. Jittratta dwar Giov Nicolo Muscat, persuna li ftit kont naf dwarha qabel. Kien l-“avukat ġenerali” tal-Gran Mastru de Rohan u stinka bil-kbir biex jiddefendi l-awtonomija tat-tmexxija tal-Ordni f’kwistjonijiet ta’ natura ċivili.

    Muscat hu bniedem tassew interessanti. Imma għadhom nieqsa bosta elementi tal-biografija personali u professjonali tiegħu. Frans Ciappara għamel biċċa xogħol tal-akbar siwi għax sab, ġabar u analizza b’reqqa ammirevoli l-informazzjoni dwar ħidmietu.

    Nirrikommanda dal-ktieb lil kull min jinteressa ruħu fil-ġrajjiet ta’ pajjiżna, mhux l-anqas dawk li jirriflettu fuq direzzjonijiet tat-tmexxija publika.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0