GOVERNANZA U TKABBIR EKONOMIKU

  • Ott 15, 2018 08:10
  • Miktub minn

    Bħall-bqija tal-Ewropa, għal snin sħaħ Malta kellha tara kif se tilqa’ għall-effetti tar-riċessjoni tas-sena 2008 u wara. Peress li dħalna fiż-żona tal-ewro kmieni wisq, il-biża’ li dawn l-effetti joħolqu diżgwid kbir kien qawwi. Il-governanza tal-pajjiż għafset bla ma tant irnexxielha, fuq rażan fl-ispiża publika. Dil-ħaġa kienet kontra l-interess ekonomiku ta’ Malta mitqiesa bħala entità għaliha waħidha, imma saret tassattiva la l-munita tal-gżira nbidlet għall-ewro.

    Illum, il-qagħda ekonomika nqalbet bil-kbir għall-aħjar, l-aktar minħabba l-politika li ddaħħlet wara l-2013.

    Ninsabu f’nofs mewġa ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent. Il-gvern qiegħed f’sitwazzjoni (imma tista’ tinbidel mil-lum għal għada) fejn id-dħul finanzjarju tiegħu jlaħħaq sew mal-ispejjeż kurrenti u ta’ investiment – minkejja li l-ispiża rikorrenti rrankat.

    Il-governanza tal-lum, differenti minn tal-bieraħ, trid tiżgura li l-espansjoni tibqa’ taħt kontroll u ma taqax fil-ħala.

    MEXXEJJA KBAR

    Insibhom strambi l-kummenti li ta’ spiss isiru dwar kif fl-Ewropa kien hemm żmien – mhux daqstant ilu – fejn kellna mexxejja “kbar” u b’“viżjoni” dwar l-futur tal-Ewropa. Tal-lum, jgħidulna, huma nies bla wisq ħajja fihom, u lanqas ideat. Mhumiex kapaċi jagħtu direzzjoni lill-kontinent dwar fejn imissu jasal.

    Isemmulna ismijiet ta’ mexxejja  li uħud minnhom nammira, oħrajn anqas. Kohl, Mitterrand, Chirac, Schroeder, Thatcher, Blair, eċċetera...

    Biss imbagħad tgħid: dawn il-mexxejja viżjonarji poġġew il-proġetti tagħhom ’il quddiem u wettquhom. Biss kemm ikkalkolaw jew ġew jimportahom mill-konsegwenzi fuq il-futur ta’ li ħasslu?

    Ma jidhirx li taw wisq kas.

    Allura kif tal-ewwel jitqiesu bħala eroj, u tat-tieni li kellhom jilqgħu għall-konsegwenzi li rriżultaw issa jitqiesu bħala nullità?

    Dwar it-twessiegħ li seħħ fl-Unjoni Ewropea u t-twaqqif wara taż-żona tal-ewro li ġraw fis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, mistoqsijiet hekk żgur li huma ġustifikati fid-dawl tal-ġrajjiet li seħħew minn dak iż-żmien lil hawn.

    MANWEL GELLEL

     Fl-aħħar sajf, qrajt ir-rumanz “minsi” Manwel Gellel ta’ Ġuże Cardona. Kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ qari dis-sena sa issa. Kien ili li ridt naqrah mill-bidu sat-tmiem, imma hu diffiċli ħafna li ssib dal-ktieb, ippubblikat biss f’puntati mill-ġurnal It-Torċa, fl-1962.

    Ħafna ma jafu xejn bih. Bħala tifel, jien kont smajtu jinqara fuq il-cable radio minn Charles Arrigo u kien affaxxinani. Qrajtu issa bil-mistoqsija f’moħħi: għadu jista’ jagħmel dil-ħaġa llum?

    Ċertament ma ngħidx li r-rumanz hu xi kapolavur impekkabbli. Wara kollox kien l-ewwel rumanz li kiteb/ippubblika Cardona (li kien jgħallimni l-Malti fil-Liċeo tal-Ħamrun!). Imma fih elementi tal-aqwa valur.

    Id-dar tal-publikazzjoni SKS daqt se jerġgħu joħorġuh. Nittama li x-xogħol jingħata mill-publiku l-attenzjoni li tisħoqqlu.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0