Konsultazzjoni dwar il-Liġi tal-Kera

  • Ott 17, 2018 08:15
  • Miktub minn Chris Fearne

    Espressjoni li spiss tisma’ waqt xi diskussjoni dwar il-kera hija “il-kera kerha”. Hemm ukoll l-espressjoni  “il-kera tqum qablek”. L-ewwel espressjoni tintrabat mal-fatt li min ikun fil-kera qisu dejjem qiegħed fid-dejn, għax qed iħallas l-imgħax (il-kera) bla ma jkollu xejn tiegħu; filwaqt li t-tieni espressjoni hija marbuta mal-fatt li mat-tokki ta’ nofsillejl jidħol fis-seħħ jum ġdid u tibda tapplika l-kera għal dik il-ġurnata meta l-kerrej ikun għadu lanqas biss qam.

    Il-progress ekonomiku ġenerat mill-Gvern tul dawn l-aħħar snin wassal biex kibret il-popolazzjoni ta’ pajjiżna mhux b’mod normali u mhux kawża ta’ twelidijiet straordinarji. Element qawwi fiż-żjieda tal-popolazzjoni huwa rifless mill-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’diversi xogħolijiet. Influss qawwi ta’ barranin li ovvjament kollha jridu saqaf fuq rashom. Sitwazzjoni li wasslet biex pjuttost id-domanda għall-kirjiet hija ogħla mill-provvista. Il-konsegwenza naturali hija li l-prezz tal-kirjiet żdied b’ritmu pjuttost qawwi, sitwazzjoni li ħolqot ċirkostanza fejn hawn min qiegħed ibati għax qed isibha diffiċli biex ilaħħaq mal-kirjiet mitluba.

    Il-Partit Laburista, għax konxju minn din is-sitwazzjoni, iddedika kapitlu speċifiku fil-Programm Elettorali tiegħu għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017 intitolat Housing u mibni fuq tliet binarji: Housing soċjali; Suq tal-kiri aktar ġust u sensittiv; u Għajnuna u opportunità biex kulħadd ikun jista’ jsir sid ta’ daru.

    Nhar it-Tnejn li għadda, 15 ta’ Ottubru, 2018, il-Gvern nieda White Paper għall-konsultazzjoni pubblika dwar it-tieni binarju li rreferejt għalih hawn fuq: Suq tal-kiri aktar ġust u sensittiv. Dan il-binarju, li huwa imsejjes fuq sitt punti li wieħed jista’ jsib f’paġna 112 tal-Programm Elettorali “L-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna”.

    Il-White Paper hija bażata fil-prinċipji li rreferejt għalihom u li jħarsu lejn l-interessi kemm tal-inkwilin kif ukoll tas-sid bilgħan li jkun hemm bilanċ u li mhux naħa tal-miżien tegħleb lill-oħra u allura toħloq inġustizzja fuq naħa jew oħra. 

    Il-White Paper qed tissuġġerixxi li l-kuntratti tal-kirjiet jkunu aktar fit-tul u b’durata minima bilgħan li l-familji fil-kera jkollhom ċans aktar jippjanaw il-futur tagħhom. Min-naħa l-oħra dan ikun ifisser garanzija lis-sidien għall-investiment li jkunu għamlu. Qed ikun suġġerit ukoll li ż-żjidiet fil-kirja tul iż-żmien ikunu miftehmin minn qabel filwaqt li  tkun obbligatorja r-reġistrazzjoni tal-kuntratt flimkien ma’ inventarju u depożitu. Qed ikun propost ukoll it-twaqqif ta’ unit ġdid biex ikun assigurat li jkun hemm moniteraġġ u infurzar tal-liġijiet flimkien ma’ mekkaniżmu biex ikunu solvuti tilwimiet żgħar li jista’ jkun hemm bejn is-sid u l-kerrej. Huwa maħsub li jkun hemm ukoll aktar effiċjenza fil-proċess ġudizzjarju tal-iżgumbrament.

    Il-Gvern se jaġixxi, imma qabel jaġixxi jrid, u qiegħed jikkonsulta bl-aktar mod wiesa. Qed jagħti żmien sal-aħħar ta’ Novembru li ġej biex jisma’ mingħandek dak kollu li tista’ tissuġġerixxi dwar il-liġi l-ġdida dwar il-kera. Int li qiegħed fil-kera tista’ titkellem b’esperjenza daqskemm tista’ titkellem int li għandek proprjetà mikrija lil ħaddieħor. Nappellalek tagħti sehmek.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0