Karl Kirkop... bniedem umli, ferħan u li minnu ġid biss ħareġ

  • Ott 17, 2018 20:14
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Karl Kirkop

    Dan l-aħħar kien l-anniversarju tal-mewt ta’ Karl Kirkop – bniedem umli, ferħan u li minnu ġid biss ħareġ.  Għadu u jibqa’ f’qalb ħafna nies għal dak li għamel u kif għamlu.  Huma nies bħal dan li għandna nfakkru l-memorja tagħhom, li noħorġu barra niċċelebraw il-ġid li għamlu u li ngħamlu konċelebrazzjonijiet religużu.  Nies li qatt ma ħolqu mibgħeda jew għamlu ħsara lin-nies.

    Bratislava

    Dan l-aħħar kelli okkażjoni fejn żort il-belt ta’ Bratislava, fl-Islovakja, għal xi jiem.  Kull belt jew raħal għandu l-karatteristiċi tiegħu.  Lili laqtuni dawn li l-affarijiet li ġejjin.  

    Il-belt l-antika – il-biċċa l-kbira tal-ibliet barra minn Malta mhux bħal kapitali tagħna Valletta.  Il-Belt Valletta hi fortizza u għalhekk ma hemmx fejn tespandi.  U minħabba dan li f’ħafna bliet barranin issib parti biss li tkun il-belt l-antika li wkoll għandha l-vantaġġ li tiġbed it-turiżmu.  Bratislava hekk hi fejn il-belt l-antika hi mdawra bil-belt aktar moderna.  Id-distinzjoni hi ċara ħafna fejn il-belt il-ġdida hi mimlija bi blokki għoljin tal-concrete – ħafna drabi kull ma tara hu kaxxa kbira griża b’ħafna twieqi mingħajr l-ebda disinn li jagħmel din il-kaxxa unika. 

    Il-Belt antika ta’ Bratislava hi waħda żgħira iżda waħda għonja b’bini b’arkitettura sabiħa.  It-toroq dojoq  tagħha jkomplu jagħtuha aktar dehra ta’ antikita’.  Toroq żgħar imserrpin mimlija djar u palazzi sbieħ.  Bħal kull belt oħra antika li tkun mixgħula b’dawl isfar u baxx, tkun isbaħ filgħaxija minn filgħodu għax id-dellijiet li jinħolqu joħorġu l-karatteristiċi tagħha.  

    Hi belt li fiha ħafna knejjes – fakkritni fil-Belt Valletta.  Ħafna minnhom knejjes sempliċi iżda sbieħ b’atmosfera ta’ kwiet u paċi l-aktar minħabba li traffiku fil-Belt antika ftit li xejn issib.  Ħaġa li laqtitni hi li dawn il-knejjes issibhom miftuha kważi l-ħin kollu fejn filgħaxija jkunu mixgħula u miftuħa u toħroġ id-dehra ta’ ġewwa fil-pubbliku.  

    Differenza oħra kienet li dejjem issib xi quddiesa jew ċerimonja oħra għaddejja anki fid-9 ta’ bil-lejl. F’dawn iċ-ċerimonji, il-knejjes ikunu mimlija.  Il-qassisin u l-patrijiet meta joħorġu jkunu liebsa bil-libsa reliġjuża tagħhom – xi ħaġa li ilha li nqatet Malta.  Sa ċertu punt dawn l-affarijiet tistennihom għaliex għad għandek nies li għixu taħt il-komuniżmu Sovjetiku fejn ir-reliġjon ma kelliex sehem.  

     Min-naħa l-oħra tara din ir-reliġjosita’ kattolika kollha, wieħed kien jistenna solidarjeta’ ma’ ħaddieħor u diversita’.  Biss tul 4 tijiem li qattajt hemm kull ma rajt kien raġel wieħed iswed li kien jidher li hu turist Amerikan.  L-istess ma rajtx Musulmani.  Din l-istramberija ma tantx damet għax ftakart li qiegħed l-Islovakja, pajjiż li ma jridx emigranti tat-tielet dinja anki dawk li taħt il-liġijiet internazzjonali huma refuġjati u għandhom dritt li jiġu milqugħa f’kull pajjiż.  

    Xi kultant niskanta kif ħafna nies jirnexxielhom li jgħawġu t-twemmin tagħhom kif jaqbillhom.  Issibha kullimkien.  

    Ħaġa oħra li laqtitni hi l-indafa li kien hemm.  Malta għamilna qabża kbira mill-50 u s-60ijiet fejn it-toroq tagħna kienu jkunu mimlija żibel.  Biss għad għandna x’naqdfu biex nilħqu lil dawn għax ma tarax biċċa sigarett m’a l-art f’postijiet li jkunu ġurnata sħiħa mimlija nies.

    Bratislava tolqotni wkoll minħabba li hi mimlija ‘street furniture’.  L-ammont ta’ statwi artistici tal-bronż hu wieħed kbir.  L-istess l-ammont kbir ta’ plakki mal-ħitan, ħafna minnhom b’wiċċ tal-persuna li tkun qed tikkomemora, jagħtiha atmosfera ta’ mużew ħaj.  Din is-sena fil-Belt Valletta kien hemm dan it-tentattiv u kien intogħġob minn ħafna nies.  Nispera li naraw aktar monumenti permanenti fil-Belt Valletta.

    Huma żjajjar fi bliet bħal Bratislava li jerġa’ jfakkarna fl-isbuħija tal-Belt Valletta u li għandu jħeġġeġ il-kburija li għandna Belt unika.  

    Kompetizzjoni (ii)

    Qed ngħixu f’dinja ta’ kompetizzjoni li tiddomina kollox.  Bħal kull ħaġa oħra għandha t-tajjeb u l-ħażin tagħha.  

    Għalkemm għandi r-riżervi tiegħi kemm il-kompetizzjoni hi tajba f’ċerta oqsma,f’oħrajn nemmen li għandna ftit wisq.  Dan narawh fin-negozju.  Aspett li jiddomina n-negozju hu kemm hu kbir is-suq li topera fih.  Fil-każ tagħna dan hu wieħed żgħir ħafna.  Il-konsegwenzi ta’ dan hu li s-suq innifsu ma jiflaħx ħafna azjendi li jkunu qed jaħdmu fl-istess qasam u għalhekk il-kompetizzjoni hi limitata ħafna.  

    L-effett ta’ sitwazzjoni bħal din hu li s-suq ma tantx jiżviluppa u jkollok sew nuqqas ta’ għażla u anki prezzijiet għoljin.  Qabel, il-konsumaturi kienu jittendu b’dan meta jsiefru u kien għalhekk li ħafna Maltin meta kienu jsiefru kienu jaraw li jagħmlu xirja sew.  Illum sa ċertu punt is-sitwazzjoni nbidlet għaliex dan tarah mill-fond ta’ darek permezz tal-internet.  

    F’sitwazzjoni fejn int għandek suq kbir ma jfissirx li kollox ward u żgħar għaliex dejjem ser issib xi negozjant li jara kif jagħmel biex jieħu vantaġġ fuq negozjanti oħra billi jnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq.  Hu għalhekk li anki fi swieq kbar issib Awtoritajiet li xogħolhom hu li jaraw li l-kompetizzjoni taħdem.  F’każi fejn ikollok xi azjenda li tiddomina xi suq partikolari, awtorita’ bħal din tieħu ħsieb li ma jkunx hemm abbużi sew billi jagħmluha diffiċli li kumpaniji oħra jidħlu fis-suq jew billi jgħollu l-prezzijiet b’mod esaġerat.  

    Hu għalhekk li kull Awtorita’ għandha żewġ obbligi fundamentali – dak li jħarsu l-interessi tal-konsumaturi u biex jiggarantixxu li s-swieq jaħdmu tajjeb u b’hekk il-konsumaturi jieħdu l-benefiċċji li jħalli s-suq.  Il-ħasra hi li l-awtoritajiet imwaqqfa jinsew dan l-obbligu u jintilfu fid-detall tal-liġi li tkun waqqfithom.

    Malta l-Awtorita’ li tieħu ħsieb il-kompetizzjoni hi l-MCCAA, iżda l-liġi tagħti awtorita’ sħiħa lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni li jaġixxi kif jaħseb l-aħjar mingħajr l-ebda indħil sew mill-Bord tal-MCCAA u anki minn strutturi oħra. 

    Dan l-Uffiċċju, minħabba deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, sab ruħu f’pożizzjoni stramba li ma setax jimponi multi.  Biex ngħidu kollox, għalkemm din id-deċiżjoni kellha l-effett tagħha, ma tantx hu xi Uffiċċju attiv. 

    Din hi l-impressjoni tiegħi u ma nistax nikkummenta għaliex ma nafx li hemm statistika maħruġa minn dan l-Uffiċċju fejn nista’ nara kemm, minn mindu twaqqaf kemm saru investigazzjonijiet u kemm waħħal multi.  Tajjeb li dawn jiġu mxandra biex l-affarijiet inkunu nistgħu nikkummentaw fuqhom fuq il-fatti u mhux fuq l-impressjonijiet.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook