Valur miżjud

  • Ott 18, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Jeħtieġ li ninkuraġġixxu attività li tassew tħalli valur qawwi u miżjud fl-ekonomija Maltija. Mill-aħħar tas-snin tmenin u mis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, il-gvernijiet ta’ Fenech Adami imbuttaw bil-kbir lill-ekonomija Maltija lejn waħda li tispeċjalizza fil-provista ta’ servizzi.

    Qabel, l-emfażi kien biex l-industrija tingħata kull inkoraġġiment. Biżżejjed taqra l-pjani ta’ żvilupp tas-snin ta’ qabel biex tifhem dil-ħaġa.

    Illum jidher ċar li l-miri tal-amministrazzjonijiet Nazzjonalista ta’ wara l-1987 intlaħqu. L-ekonomija Maltija tiddependi bil-kbir mis-servizzi. Kulħadd jaċċetta dan, inkluża l-amministrazzjoni preżenti.

    Biss naħseb li rridu nirriflettu aktar dwar x’inhu tal-akbar ġid għall-pajjiż, mhux f’perspettiva “qasira” daqskemm fuq waħda tat-tul. Apparti t-turiżmu, is-servizzi jħallu valur miżjud qawwi biżżejjed? – wieħed samm u mhux spekulattiv?

    Effettivament, bis-servizzi, Malta qed taġixxi bħala sensar. M’hemm xejn ħażin f’hekk. Biss, sensar ma tantx jista’ jżid valur għal dak li jgħaddi minn taħt idejh, u jrid ikollu dejjem min jiġi għandu biex jinnegozja.  

    ***

    LAQGĦA F’GĦAWDEX

    F’laqgħa għal Għawdex dwar Għawdex li l-uffiċċju tiegħi organizza ftit ilu fil-lukanda li għadha inkredibbilment sabiħa f’Ta’ Ċenċ, kellna diskussjoni interessanti dwar kif Għawdex jista’ jibbenefika mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għal proġetti ta’ żvilupp.

    Inħallu fil-ġenb il-froġa li l-gvern Nazzjonalistga wettaq fir-rigward ta’ kif innegozja t-trattament ta’ Għawdex meta Malta saret membru tal-Unjoni...

    Biss matul is-snin, sar sforz biex Għawdex igawdi daqs Malta minn fondi Ewropej. Jekk il-biċċa ma tantx irnexxiet... jew irnexxiet ħafna anqas milli mixtieq... hemm bżonn nirriflettu għaliex.

    Il-laqgħa tatni ċans nagħmel dir-riflessjoni. Il-kummenti li saruli publikament u privatament wara l-laqgħa kienu mill-aktar produttivi.

    ***

    CANAGLIA

    Hemm lott ta’ films Taljani (u nimmaġina oħrajn mill-Ewropa) ta’ żmien l-iswed u l-abjad (anke mis-snin 40 u 50 tas-seklu l-ieħor)  li nsejnihom u li jistħoqqilhom jerġgħu jintwerew.

    Bħal “Peccato che sia una canaglia”: film li ħareġ fl-1955, dirett minn Alessandro Blasetti, ibbażat fuq rakkont qasir ta’ Alberto Moravia, b’Vittorio de Sica, Sophia Loren u Marcello Mastroianni (it-tnejn tal-aħħar żgħażagħ li ma ngħidlekx). Hu farsa dinamika (rajtu f’you tube). Mastroianni, bħal

    a żagħżugħ bit-taksi ġdida tiegħu, jipprova jaqbad liż-żgħażagħ xellerati li pprovaw jisirquhielu. Loren, kompliċi magħhom, tindiehes qrib is-sewwieq tat-taksi mingħajr ma tiċħad il-“professjoni” tagħha.

    L-istess jista’ jingħad għal familtha kollha, immexxija minn de Sica, missier li joħloq filosofija madwar il-mestier tas-serq.Interessanti x-xeni ta’ konfużjoni fit-traffiku ta’ Ruma. Tqabbilhom ma’ tal-lum, mhuma xejn. Xorta l-film joħloq sitwazzjonijiet ta’ taħwid sħiħ meta Mastroianni jwaqqaf il-karozza tiegħu f’nofs pjazza biex isegwi lil dawk li riedu jisirqulu l-paqqa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0