Is-snobiżmu klassista

  • Ott 22, 2018 11:15
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Is-snobiżmu klassista dejjem kien qawwi fost ċerti tendenzi tal-PN. Mhux fost kollha għax pereżempju fid-diskors ta’ politiċi bħall-Mifsud Bonniċijiet qatt ma eżista sa fejn naf jien.

    Ġeneralment das-snobiżmu ntwera f’espressjonijiet ta’ disprezz lejn il-ħaddiema u l-familji tagħhom li kienu jintużaw fil-ġurnaliżmu u fil-laqgħat informali. Espressjonijiet bħal “dawk li qatt ma jinħaslu” jew “il-ħamalli” – biex ma nsemmux aktar fl-antik “it-teologi tal-boilersuit”.

    Propagandisti tal-PN bħal Andrew Borg Cardona u Daphne Caruana Galizia ddelettaw bil-kbir b’dawn it-tip ta’ espressjonijiet. Ġabulhom appoġġ fost min iħossu kkonfortat mill-ħsieb li s-sostenituri tal-Labour ġejjin minn wara l-muntanji. 

    Biss baqgħu tendenza pjuttost minoritarja, anki fi ħdan il-partit tagħhom. 

    Illum wieħed jinnota żvilupp fil-mod kif dit-tendenza taġixxi. Mhux li saret maġġoritarja, imma saret aktar attiva. Qed tuża lingwaġġ (“ġustizzja”, “saltna tad-dritt” eċċ.) u stili ta’ mobilizzazzjoni li jagħmluha tidher qaddisa minn barra, għalkemm baqgħet kollha xewk minn ġewwa. 

    ***

    PRONOSTKU MINN BALI

    Laqtitni ħaġa waħda min-numru ta’ laqgħat li sħabi u jien kellna f’Bali l-Indoneżja ma’ esperti u diretturi eżekuttivi tal-Fond Monetarju Internazzjonali (li kien qed iżomm hemm il-laqgħat annwali tiegħu): il-mod kif kulħadd donnu iffoka fuq il-possibiltà ta’ riċessjoni ekonomika ġdida mhux daqstant fil-bogħod, globali jew reġjonali. 

      Żgur li mhux b’kumbinazzjoni, fl-istess ġimgħa l-ġurnal The Economist poġġa l-istess suġġett ta’ riċessjoni riesqa fuq quddiem nett tal-ħarġa tiegħu.

    Allura fost il-mistoqsijiet li qamu kien hemm: Is-sħab li qed jinġema’ fuq l-orizzont kemm hu skur? Kemm hu griż?

    Il-possibbiltà li tiskatta gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina kienet f’moħħ kulħadd.

    Dwar iż-żona tal-ewro, saqsew: Iż-żona għamlet biżżejjed riformi biex jekk jerġgħu jqumu ċirkostanzi ta’ kriżi, tkun tista’ tilqa’ għalihom? Mhux kulħadd wieġeb iva.

    ***

    SIENKIEWICZ

    Li qrajt tiegħu qabel, ilu ħafna, kien ir-rumanz imsemmi “Quo Vadis?”. Imma f’pajjiżu, Henryk Sienkiewicz hu magħruf l-aktar għar-rumanzi storiċi li kiteb. Bidlu x-xejra tal-letteratura Pollakka u tawha ħajja ġdida. 

     “L-Ifirsa Tewtoniċi” hu wieħed minnhom. Jieħdok fil-Polonja maqsuma u mifruda tal-bidu ta’ Żmien in-Nofs. 

    Il-ġens Pollakk kien madankollu diġà qed jagħraf lilu nnifsu. Taħt il-mexxejja nobbli tiegħu, beda jirreżisti għall-esiġenzi li jagħmlu fuqu l-barranin. Dik hi t-tema tar-rumanz, ippreżentata b’mod vivaċi u kredibbli. Theddida ewlenija għall-Pollakki kienet ġejja mill-Ordni tal-Kavalieri Ġermaniżi, li lura mill-Kruċjati, ħatfu artijiet tal-Pollakki u ta’ oħrajn biex jistabbilixxu renju tagħhom. 

    Ir-rumanz hu twil. Qrajtu f’nifs. Serva biex ixejjen is-sigħat vojta ta’ vjaġġ twil. Inkiteb fi żmien meta l-Ġermanja magħquda madwar il-Prussja, kienet qed issir potenza ħegemonika fiċ-ċentru tal-Ewropa. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0