X’SE NIEĦDU, X’QED INLESTU

  • Ott 25, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

     Il-kalkoli li jsiru wara l-budget qatt ma jvarjaw: X’ħadna mill-gvern? X’se jeħdilna?

    F’das-sens, ninsabu fl-isbaħ żminijiet tassew. Għalkemm in-nefqa tal-gvern baqgħet tiżdied qatigħ, sa issa l-Ministru tal-Finanzi jista’ jlaħħaq magħha għax il-flejjes baqgħu deħlin.

    L-aqwa problema saret kif l-aħjar il-gvern għandu jalloka n-nefqa tiegħu biex jaġevola xi ftit lil kulħadd. Rari kienu l-okkażjonijiet mill-Indipendenza lil hawn fejn gvern Malti sab ruħu f’dil-pożizzjoni.

    Allura, sfida qawwija f’dal-kuntest tirrigwarda jekk hux qed isir biżżejjed bin-nefqa publika biex titħejja l-art għall-opportunitajiet tal-futur.

    Biss mistoqsijiet f’dil-linja jistgħu jkunu perikolużi, politikament u anke ekonomikament. Jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq materji konkreti li jikkonċernaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies illum, lejn kontroversji dwar xinhu l-aħjar għall-futur. Dwar dawn, minkejja l-importanza tagħhom, mhu se jinstab l-ebda kunsens ta’ malajr. Aktar faċli tieħu deċiżjonijiet dwar illum milli deċiżjonijiet li jservu għal għada.

    FHIMT TAJJEB? 

    Forsi għaġġilt wisq fil-qari u bqajt b’impressjoni ħażina. Imma fost dawk li żaru lil Malta l-ġimgħa li għaddiet biex jippriedkawlna dwar kemm nittrattaw tajjeb jew ħażin lill-istampa u l-ġurnalisti, kien hemm min wera entużjażmu sew biex jgħidilna dwar id-dnubiet tagħna f’dal-qasam.

    Tant li wasal biex fir-“rakkomandazzjonijiet” tagħhom jgħidilna li l-Prim Ministru messu jagħti aktar konferenzi tal-istampa.

    Tassew li jmisshom jistħu l-Maltin li qed jagħtu wiċċ li dat-tip ta’ eżerċizzju tost imtellgħa minn nies “ta’ rieda tajba” (?) minn barra. Sa fejn se naslu issa – li naċċettaw li qed tittiekel l-espressjoni ħielsa f’pajjiżna għax il-Prim Ministru jagħti anqas jew aktar konferenzi stampa?

    Għalija pożizzjoni bħal din, qalha min qalha, mhi xejn ħlief turija ta’ kif kollox jgħaddi meta jkun qed jiġi “kkritikat” pajjiż ċkejken bħal Malta. Għax ma jagħmlux l-istess analiżi dwar kif il-President Franċiż per eżempju, jew ma nafx min aktar, imexxi l-politika ta’ kumnikazzjoni tiegħu?

    IN-NEGOZJATI DWAR BREXIT

    Bħal kulħadd, nittama li n-negozjati dwar Brexit jintemmu b’wiċċ il-ġid. Dat-tmiem irid ifisser arranġament li jkun ta’ ġid – fiċ-ċirkostanzi – għall-“Ewropej” u għall-Brittaniċi, kif ukoll għal dawk il-pajjiżi terzi li se jintlaqtu mill-bidla li riesqa.

    Fl-aħħar xhur, in-negozjati baqgħu jitbandlu f’taħwid serju. Barra mill-konfużjoni fi ħdan in-naħa Brittanika, ir-raġuni għal dan kienet ukoll il-mod kif l-Ewropej għażlu li jinnegozjaw. Riedu li l-ewwel jintlaħaq ftehim dwar kif ir-Renju Unit se jkun ħareġ mill-Unjoni Ewropea. Imbagħad, in-negozjati jittrattaw dwar x’se tkun ir-relazzjoni futura bejn iż-żewġ naħat.

    Bħallikieku mhux din l-aħħar kwistjoni kienet l-aktar waħda importanti. Intilef ħafna żmien b’hekk, u tħawdu aktar l-imħuħ.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook