Reazzjoni favorevoli u ġustifikata għall-Baġit 2019

  • Ott 25, 2018 08:15
  • Miktub minn Mr Chris Fearne

    Ir-reazzjoni ferm favorevoli li kien hemm b’mod ġenerali għall-Baġit 2019 hija ġustifikata u turi li l-poplu qed jifhem sewwa l-mod li bih ħadem u qed jaħdem Gvern Laburista. Jgħid mod ieħor min jew għax maqtugħ mill-poplu jew għax l-iswed irid jgħidlu abjad u l-abjad irid jgħidlu iswed. Qed nitkellmu fuq perjodu relattivament qasir, ftit aktar minn ħames snin biss, li matulhom l-ekonomija tal-pajjiż għamlet passi ta’ ġgant ‘il quddiem, bil-ġid riżultanti minnha jibda jilħaq lil kull faxxa tal-popolazzjoni, bl-aktar lil dawk li kienu batuti.

    Illum nistgħu naqbdu l-aħħar 10 snin, maqsumin eżatt bejn zewġ amministrazzjonijiet li kellu u għandu l-pajjiż. L-aħħar ħames snin ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti u l-ewwel ħames snin ta’ amministrazzjonijiet Laburisti minn Marzu 2013 ‘il hawn. M’aħniex qed nitkellmu fuq mijiet ta’ snin ilu. Qed nitkellmu fuq perjodu ta’ 10 snin li għixnihom lkoll flimkien u għadhom friski fil-memorja.

    Huwa fatt innegabbli li l-aħħar ħames snin ta’ amministrazzjoni mill-Partit Nazzjonalista kienu karaterizzati minn miżuri kontinwi ta’ awsterità, nuqqas ta’ żvilupp, ekonomija kajmana għall-aħħar, qgħad dejjem jiżdied, nuqqas ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna u b’dawk l-aktar vulnerabbli jkomplu jlaqqtu d-daqqiet.

    Minn Marzu 2013 ‘il hawn, l-ewwel amministrazzjoni Laburista wara kważi 25 sena ta’ tmexxija Nazzjonalista, imbarkajna fuq rotta differenti. U bdejna nimplimentaw programm ta’ ħidma biex l-ewwel nistabilizzaw is-sitwazzjoni u mbagħad tibda l-kura. Sena wara sena l-poplu beda jirrealizza li l-pajjiż beda jirkupra. Dawn l-aħħar ħames snin kienu karaterizzati minn ħolqien ta’ ġid u tkabbir ekonomiku bla preċedent. 

    Il-Baġit 2019 huwa stadju ieħor f’din il-mixja. Baġit imsejjes fuq tliet pilastri li jirriflettu l-programm ta’ xogħol, il-valuri u t-tkomplija ta’ viżjoni fit-tul li l-Gvern Laburista għandu għall-poplu Malti u Għawdxi.

    L-ewwel pilastru huwa t-tkomplija tal-ħolqien tal-ġid u t-tkabbir ekonomiku; it-tieni pilastru huwa rifless fl-imbuttatura tal-Gvern lil dawk li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mar-ritmu mgħaġġel tal-ħajja filwaqt li t-tielet pilastru huwa t-titjib fil-kwalità tal-ħajja.

    B’konformità mal-mod li bih imxejna u li b’riżultat tiegħu fjorixxiet l-ekonomija, żdied b’mod qawwi l-ħolqien ta’ xogħol u nħolqu eluf ta’ opportunitajiet għall-ħaddiema tagħna se nkomplu ninċentivaw lil min lest ikompli joħloq aktar xogħol u jagħmel suċċess għalih u għall-pajjiż, għall-poplu.

    Huwa fatt li ma jista’ jiċħdu ħadd li r-ritmu li bih kibret l-ekonomija ta’ pajjiżna huwa wieħed qawwi u mhux kull faxxa tal-poplu tkun tista’ tlaħħaq mar-ritmu tal-ħajja tal-lum. 

    Huwa għalhekk li daħħalna t-tieni pilastru, dak li ngħinu kemm nistgħu lil dawn in-nies, bħalma huma l-pensjonanti li qegħdin jaraw żjieda għal darb’oħra fil-pensjoni tagħhom. Tajna imbuttatura oħra lil min qiegħed fil-kera u qed jiffaċċja problema għax din għoliet peress li l-provvista tal-kirjiet hija inqas mit-talba. Għal dawn ħloqna mekkaniżmu għal żjieda fis-sussidju flimkien ma’ ħolqien ta’ opportunità biex anke huma jsiru sidien ta’ djarhom. 

    Se ngħinu lil persuni ta’ ‘l fuq minn 40 sena li jkunu jridu jixtru proprjetà imma jsibu diffikulta għal self mil-banek minħabba l-età. Il-Gvern se jkun qed jagħmel tajjeb għal nofs l-ispiża filwaqt li jħallas l-imgħaxijiet. Ma waqafniex hawn. Se nkunu qegħdin nibnu aktar postijiet kemm bħala Gvern kif ukoll mal-privat għal skopijiet soċjali. 

    Se nkunu qegħdin nkabbru l-għajnuna lil persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu billi nagħtuhom benefiċċju ta’ €150 fil-ġimgħa. Se titkompla l-għajnuna lil dawk li jkunu fuq il-paga minima nazzjonali filwaqt li se tiżdied ċ-Children’s Allowance għal dawk bl-inqas dħul. Dawk kollha li jeħtieġu l-imbuttatura tal-Gvern se jsibuha.

    Hemm imbagħad it-tielet pilastru, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja. Bażiku għal dan hemm l-element finanzjarju, element li ħloqnieh u qegħdin insostnuh b’ekonomija soda u ħolqien ta’ imjiegi. Imma l-kwalità tal-ħajja togħla b’affarijiet oħra wkoll, fosthom attivitajiet sportivi, kulturali u ambjentali. B’dan f’moħħna se nkunu qegħdin nibnu aktar faċilitajiet sportivi fl-irħula u l-ibliet tagħna filwaqt li se ninċentivaw żjarat fil-mużewijiet u postijiet storiċi bi dħul b’xejn għal adulti li jkunu qegħdin jakkumpanjaw tfal f’dawn iż-żjarat. Se nkomplu ngħinu biex fit-toroq tagħna jkun hawn aktar karozzi elettriċi u allura inqas tniġġiż fl-arja. Se ndaħħlu l-kunċett ta’ safe cities biex ikunu protetti kontra ambjent mhux mixtieqa. Titjib fil-kwalità tal-ħajja jkun rifless ukoll minn faċilitajiet u servizzi edukattivi u mediċi għoljin kif filfatt qegħdin u se nkomplu nipprovdu.

    Huwa għalhekk li kien hemm ir-reazzjoni ferm favorevoli li kien hemm u għad hemm għall-Baġit 2019. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0