Il-Fqar

  • Aww 23, 2018 08:10
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Ma nitkellmux biżżejjed dwar “il-fqar”. Anke l-espressjoni sirna nużawha mill-anqas, donnu għax inqisuha reliġjuża wisq u mhux biżżejjed preċiża soċjoloġikament. Għalkemm Kristu kien tassew preċiż soċjoloġikament meta qal: Il-fqar dejjem se ssibuhom magħkom; imma mhux lili. 

    Dawk li jqisu li l-fqar fostna saru minoranza negliġibbli x’aktarx li ma jqisux kif il-fqar mhumiex biss hekk finanzjarjament; imma wkoll għax huma edukattivament, kulturalment u soċjalment fi żvantaġġ. Issibhom fost l-illitterati jew semi-litterati; l-familji mifruda; il-persuni b’diżabbiltà; dawk b’mard mentali; dawk li m’għandhomx akkomodazzjoni deċenti; l-anzjani u l-pensjonanti; l-immigranti.

    Jista’ jkun li l-pożizzjoni tagħhom qed titjieb. Biss meta ninsistu li l-fqar qed jingħataw għajnuna xierqa, għandna nqabbluha ma’ li jkun qed jingħata lil ħaddieħor. Wieħed jista’ pereżempju jifli l-miżuri tal-aħħar baġit u jistaqsi jekk kull miżura bbenefikatx l-aktar lill-fqar jew lil min jinsab aħjar minnhom.

    Se nsibu ħafna miżuri li jibbenefikaw l-aktar lil tal-aħħar. Il-ħondoq bejn il-fqar u l-bqija fostna qed ikompli jikber minflok jitwitta.

    ***

    DMUGĦ TA’ KUKKUDRILL

    Iħalluni biered dawk li llum erħilhom jilmentaw u jitbekkew dwar kif il-biedja f’Malta tinsab agunija. Qisha xi żvilupp li ġara bla mistenni.

    Jien u oħrajn għamilna kważi tliet deċennji nwissu dwar x’se jiġri meta Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea: il-biedja kienet se taqlagħha. Akkużawna bil-ħrafa li aħna “kontra” l-Unjoni Ewropea. Sempliċement konna qed ngħidu li r-regoli Ewropej ta’ tmexxija fil-qasam tal-biedja ma kinux jgħoddu għal pajjiżna. Kien japplikaw tajjeb għal pajjiżi b’meded kbar ta’ art.

       Il-bdiewa tagħna kien se jkollhom jikkompetu b’riżorsi limitati ma’ produtturi li setgħu jwasslu għas-suq it-tagħbijiet tal-uċuh tagħhom bi prezzijiet ħafna irħas. U kien se jiġri dak li kellu jiġri. Skużi u spjegi nġabu f’patafjun biex jirrifjutaw din il-ħaġa ovvja. 

    Għalhekk illum – jiddispjaċini ngħid – meta nisma’ dan il-biki u lamenti dwar il-qagħda tal-biedja Maltija, nikkonkludi li għal darb’oħra, qed jinxtered dmugħ tal-kukkudrill. 

    ***

    MERKEL

    Dejjem ammirajt il-ħila li biha l-kanċellier Merkel mexxiet il-ħidma tagħha: bil-kwiet, b’sabar, mingħajr teatrini, bil-lajma. Il-poplu Ġermaniż dara jqisha bħala targa soda u qawwija tal-interessi tiegħu u taha rebħa politika wara l-oħra.

    Illum il-partit tagħha u l-alleati tiegħu jinsabu daharhom mal-ħajt jew kważi. Fil-pożizzjoni tagħha, Merkel qed taqla’ kritika ħarxa. Ħafna qed ibassru li t-tmiem tagħha riesaq. Issa naraw.

    Biss tibqa’ mistoqsija: It-taħsir politiku li sofriet Merkel ġara fl-aħħar tliet snin u l-kawża prinċipali kienet il-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni. X’kien li fis-sajf tal-2015 wassal lill-kanċellier biex f’daqqa, tiftaħ beraħ il-fruntieri ta’ pajjiżha lir-“refuġjati”resqin fil-mijiet tal-eluf? 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0