Wisq korpi

  • Nov 05, 2018 09:23
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-moda ta’ aġenziji jew korpi tal-gvern li jservu bħala awtoritajiet regolatorji, bħala għassiesa fuq materji ta’ etika u tmexxija korretta, bħala difensuri ta’ dawn jew dawk id-drittijiet u insomma, materji oħra, tinsab għaddejja bil-kbir fostna, kif ukoll f’pajjiżi Ewropej.

    Forsi pajjiżi akbar minna jistgħu jġorru dawn il-korpi kollha. Fi gżira ċkejkna bħal tagħna, aktar ma nitgħabbew bihom, aktar tiżdied il-probabbiltà li jitgerfxu f’xulxin. Minflok trasparenza u kontabbiltà aqwa, jiġġeneraw konfużjoni, immobiliżmu u indifferenza fost iċ-ċittadini. Pereżempju, jien tlift l-għadd ta’ kemm għandna ombudsmanijiet jiffunzjonaw bħalissa. U niftakar il-kontroversji mtawla li seħħew sakemm inħatar l-ewwel wieħed!

    Wasal iż-żmien li quddiem din il-firxa ta’ korpi, il-gvern jaħseb biex jirrazzjonalizzahom.

    ***

    U LA QED NITKELLMU FUQ KORPI...

    ... ikolli nsemmi dwar uħud mill-anzjani li servew f’xi korp jew ieħor ta’ qabel l-1979, jew mal-Enemalta jew korporazzjonijiet oħra. Jiġu jkellmuni biex jistaqsu jekk humiex se jingħataw xi rimedju għal dak li jqisu li hi inġustizzja li saret magħhom. Tpoġġew fejn tpoġġew meta daħlu jaħdmu fl-ewwel nofs tas-snin sebgħin, wara l-1979 uħud minnhom tilfu benefiċċji li gawdew sħabhom li nzertaw f’postijiet oħra tal-amministrazzjoni publika.

    Gvernijiet suċċessivi wegħduhom rimedju. Għal ħafna minnhom, dan baqa’ ta’ nofs kedda. In-numru tagħhom qed jonqos u se jibqa’ jagħmel hekk. Għandhom każ.

    Qrajt għal darba tnejn id-diskors tal-baġit tal-ministru tal-finanzi. Jissemmew kif xieraq il-problemi ta’ dawk li servew fis-servizzi Ingliżi imma ma stajtx insib referenza ċara għall-problema tal-persuni li kienu fil-“korpi” jew korporazzjonijiet. Mhux sew li nħalluhom isaffru – u dan fi żmien providenzjali meta t-talbiet ġustifikati tagħhom jistgħu jintlaqgħu bla ma jipperikolaw b’xi mod il-finanzi publiċi.

    ***

    FEHMIET LI JINBIDLU

    Sa ftit taż-żmien ilu, kienet issir kritika qawwija kontra l-politika tal-Bank Ċentrali Ewropew imsejħa “quantitative easing”. Din ikkonsistiet filli l-Bank jixtri biljuni ta’ ċedoli ta’ self mis-swieq biex b’hekk jippompja aktar flejjes fl-ekonomija Ewropea. B’dal-mod ried iraħħas il-valur tal-flus u ppromwova t-tkabbir ekonomiku.

    Il-gvernatur tal-BĊE Mario Draghi baqa’ jsostni li dil-politika kienet meħtieġa biex tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. Dan kien majna wisq imqabbel ma’ ta’ kontinenti oħra, fejn wara kollox, il-banek ċentrali kienu qed japplikaw l-istess politika.

    B’riħitha jew għal raġunijiet oħra, iż-żona tal-ewro filfatt irnexxielha żżid fir-ritmu ekonomiku. Fl-aħħar, Draghi aċċetta li bil-mod, sa tmiem dis-sena, iwaqqaf għal kollox il-“quantitative easing”.

    Fil-frattemp, ir-ritmu ekonomiku fl-Ewropa reġa’ tbaxxa u żdiedu l-inċertezzi. Qamu u qed iqumu ilħna issa biex jirrikmandaw li l-politika titkompla!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0