Ix-xita li għamlet dan l-aħħar ħarġet aspett ieħor li rridu nieħdu ħsiebu meta nkunu qed nirranġaw it-toroq tagħna. Waħda mill-karatteristiċi tat-toroq tagħna hi l-ilmijiet li jkun hemm fit-toroq tagħna meta tagħmel ftit xita.
Illum kif tagħmel ftit xita qawwija, f’ħafna toroq, ikun impossibli li taqsam ħafna mit-toroq tagħna minħabba l-ilmijiet li jinġemgħu minħabba li fil-maġġoranza tat-toroq tagħna ma għandniex fejn imur dan l-ilma. Għalhekk l-ilma fi triq imur f’toroq oħra u dan li jġib miegħu l-ilmijiet li jinġemgħu f’ħafna toroq.
Din il-problema ser tkompli tikber minħabba li t-tibdil fl-ambjent qed iġib miegħu tibdil fit-temp. Illum qed naraw estremitajiet. Jew sħana esaġerata jew meta tagħmel ix-xita ikollna kważi għargħar. Min qed jaħseb li dawn l-affarijiet huma biss tal-mument sejjer żball. Illum nafu li dan ser jibqa’ u jiżdied.
Li nibqa’ skantat kif l-inġiniera tagħna kienu jieħdu ħsieb ta’ din il-problema fi żmien il-Kavallieri u llum le. Il-Belt Valletta hi xempju ta’ dan. F’kull kanturiera l-Kavallieri kienu għamlu 4 spralli – wieħed f’kull kantuniera biex l-ilma jinġabar fit-triq stess. Iżda xi għorrief kienu ddeċiedew li meta kienet ingħatat kisja tarmac, għattejna kollox – anki dawn l-ispralli.
Aspett ieħor li dan qed iġib hu bankini għoljin biex l-ilma ma jlaħħaqx. Dan ġab lill-bankini tagħna post li trid toqgħod attent meta tkun qed timxi għax daqqa għoljin u daqqa baxxi minħabba l-garaxxijiet. Dan iġib miegħu periklu għal kulħadd speċjalment għax-xjuħ tagħna. Hu għalhekk li ħafna minnhom tarahom mexjin fit-triq u mhux fuq il-bankina.
Is-soluzzjoni hi li ma tul kull bankina nagħmlu gandott biex l-ilma tat-triq jgħaddi minnu. B’hekk ma jkollniex bżonn bankini għolja u jistgħu wkoll ikunu ċatti.
Biss sfortunatament l-affarijiet f’xi lokalitajiet jidher li dawn ma narawhomx u kull fejn kellna dawn il-gandotti neħħejnihom.
Il-landier
Dan l-aħħar saret esibizzjoni fis-Suq tal-Belt fejn kien hemm nies li qed juru kif ċerta affarijiet jistgħu jissewwew. Xi ħaġa li llum insejnieha kważi għal kollox. Illum ix-xejra hi uża u armi. Anki jekk l-oġġett ikun għadu jaħdem, wara ftit xorta armi u ixtri ieħor ġdid.
Din l-esibizzjoni fakkritni fil-landiera li kienu jiġru fl-ibliet u rħula tagħna biex in-nies ikunu jistgħu jsewwu l-affarijiet. Bħal-landier kellna ħafna nies oħra fosthom skrapan li kienu jduru u jsewwu ż-żraben tan-nies fit-toroq tagħna.
Sfortunatmant dan spiċċa. U filwaqt li dejjem nitkellmu dwar l-ambjent ninsew il-ħsara li qed issir lill-ambjent meta l-ħin kollu narmu l-affarijiet. Ħafna drabi ninsew li biex niproteġu l-ambjent hemm bżonn li nieħdu ħsieb dawk imsemmija 3 R – Reuse, Repair u Recycle. Ninsew li ir-riċeklaċċ hu l-aħħar ħaġa għaliex l-oġġett l-ewwel għandna nużawh kemm il-darba, wara jekk ikun hemm bżonn insewwuh u fl-aħħar nibgħatuh għar-riċeklaċċ.
Kompetizzjoni (iii)
Il-problema li ħolqot id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali għadha magħna għalkemm issa ttieħdu l-ewwel passi biex din tissolva. Il-problema kienet li l-Uffiċċju tal-Konsumaturi, minħabba din id-deċiżjoni ma tistax timponi multi għal min jikser il-liġi tal-kompetizzjoni. Il-Gvern ipprepara emendi fil-liġi preżenti biex tissolva din il-problema. Bħala preparamenti kien hemm konsultazzjoni pubblika fejn kulħadd kellu dritt li jagħti l-opinjoni tiegħu. Hi ħasra li minkejja li kien hemm konsultazzjoni pubblika, xorta ma kienx hemm dibattitu pubbliku fil-medja tagħna. Sfortunament, bħal ma jiġri s-soltu, dawk li m’għandhomx libsa politika, ftit li xejn jingħataw inportanza mill-medja Maltija.
L-Għaqda tal-Konsumaturi ressqet il-kummenti tagħha. Dawn ser inżuru ftit minnhom speċjalment dawk li l-aktar huma importanti. Wieħed mill-aspetti li llimita t-tibdil li kien meħtieġ kien li biex dan l-Uffi ċċju jerġa’ jkollu s-saħħa li jimponi multi jrid ikun hemm tibdil fil-Kostituzzjoni – tibdil li milli jidher kienu jafu li mhux ser ikollu s-support meħtieġ minħabba l-ambjent politiku tal-lum. Hu għalhekk li, meta jidħlu dawn it-tibdiliet, ser tkun il-Qorti li tibda tiddeċiedi l-multi.
Għalija din hi limitazzjoni kbira. Hemm żewġ aspetti li jillimitaw din is-soluzzjoni. L-ewwel għandek id-dewmien li ser ikun hemm. Il-Qrati qatt ma kienu ddisinjati biex ikunu istituzzjoni li jieħdu deċiżjoni mil-lum għal għada. Dan minħabba li l-Qrati x-xogħol prinċipali tagħhom hu li jagħrblu sew dak li jkun ġara u jaraw jekk dan sarx skont il-liġi.
Fit-tibdil kien hemm attentat biex jillimita dan id-dewmien. Fosthom hemm issuġġerit li meta jkun hemm appell, dan għandu jinstema fi żmien tlitt xhur. Il-problema hi ma hemm xejn li jgħid x’jiġri jekk il-Qorti tal-Appell ma tasalx għal deċiżjoni fi tlitt xhur. Għalhekk dan is-suġġeriment hu qiesu kannol mingħajr irkotta.
Għalkemm ma naqbilx fid-dewmien li jiġi iġġenerat fil-Qorti għal kwalunkwe kawża, fil-qasam tal-kompetizzjoni dan id-dewmien hu aktar serju. Dan għaliex min ikun qed jikser il-liġi tal-kompetizzjoni, żgur li jkun qed ikabbar il-profitti tiegħu minn fuq dahar il-konsumaturi u n-negozji li jaħdmu skont il-liġi. Għalhekk aktar ma jitwal iż-żmien biex tittieħed deċiżjoni, aktar ikun jaqbel għal min jikser il-liġi. Aktar ma tkun kbira l-kumpanija li tkun qed tagħmel abbuż aktar ikunu l-profitti mhux skont il-liġi li tagħmel.
It-tieni raġuni għaliex ma naqbilx li l-multi jiġu imposti mill-Qorti hi għaliex il-kompetizzjoni biex tiġi sgurata irid li t-telf li jkunu qed jagħmlu sew il-konsumaturi u sew azjendi li jkunu qed jimxu skont il-liġi u t-telf għall-ekonomija in ġenerali għandhom jingħataw importanza kbira fid-deċiżjoni. Dan hu l-aspett ekonomiku aspett li l-Qrati mhux ippreparati għalih. Dan in-nuqqas ġej għaliex il-Qrati huma istituzzjoni li qegħdin hemm biex iħarsu l-aspett legali. Għalhekk il-liġijiet tagħna huma iddisinjati biex jaraw li l-akkużat issir ġustizzja u ma jkunx ikkundannat fuq xi ħaġa li ma jkollux tort. Biss l-aspett li semmejt ma jidhirx fil-liġijiet – fl-opinjoni tiegħi nuqqas kbir.
Bħal ma ktibt, sfortunatament dan in-nuqqas ser jibqa’ hemm minħabba l-piki politiċi. Li kieku nneħħu dan ma kien ikun hemm l-ebda diffikulta’ li tinbidel il-Kostituzzjoni u l-affarijiet jimxu bħal kif jimxu fil-maġġoranza tal-pajjiżi oħra. Fuq kollox il-liġijiet qegħdin hemm mhux biex jillimitaw il-ġustizzja iżda biex fil-kuntest reali jiggwidawna biex filwaqt li nħarsu l-interessi tagħna ma nkasbrux dawk ta’ ħaddieħor.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.