Kif nassumu r-responsabbiltà

  • Nov 15, 2018 11:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Isir wisq diskors dwar kemm għandna qalbna tajba bħala nazzjon. Forsi li hu diskors minnu, ġenwin.

    Ngħidu wkoll kemm nieħdu ħsieb lil għajrna u lil min jinsab fil-bżonn. Mhux se niċħad li dan hu minnu.

    Biss li x’aktarx jonqosna hu ħsieb dwar kif l-aħjar nassiguraw li t-tjubija lejn ħaddieħor ma tkunx paraventu għal modi mgħawġa ta’ kif niddeċiedu min jieħu xiex u lil min jingħata xiex.

    Il-faqar u d-dgħufija soċjali ma jseħħux b’kumbinazzjoni. Jirriżultaw minn kif titmexxa s-soċjetà, għat-tajjeb u għall-ħażin. Minn kif inqassmu r-responsabbiltajiet, kif inwettquhom u mbagħad kif nassumu r-responsabbiltà għal li nkunu għamilna jew m’għamilniex – dawn il-modi ta’ imġiba huma parti integrali mit-tjubija tagħna (jew bil-maqlub, min-nuqqas tagħha... imma m’hemm l-ebda nuqqas, għax bħala nazzjon, sew ngħidu, għandna qalbna tajba...)

    *** 

    KIF TIŻGIĊĊA MIS-SANZJONIJIET

    Wieħed mid-dnubiet kbar li għamel is-sid tal-Pilatus Bank u li dwaru qala’ tumakka kbira l-ewwel mill-Istati Uniti, imbagħad mill-awtoritajiet finanzjarji Ewropej, kien dan: li allegatament ħawwad fit-tmexxija tal-finanzi tiegħu biex ikun jista’ jevita s-sanzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti kontra żewġ pajjiżi – tiegħu, l-Iran, u l-Veneżwela – fil-mod kif ħallsu lil xulxin għal proġetti li riedu jwettqu bejniethom.

    L-Istati Uniti temmew minn rajhom il-ftehim dwar il-faċilitajeit nukleari tal-Iran. Reġgħu daħħlu s-sanzjonijiet finanzjarji fuq dal-pajjiż. L-Unjoni Ewropea tinsab fost oħrajn li qed jaraw kif ma jirrispettawx dawn is-sanzjonijiet. Saħansitra sar diskors dwar kif jistgħu jinħolqu għodod finanzjarji li bihom il-bejgħ u x-xiri li jsir bejniethom u l-Iran jgħaddu minn kanali li jiżgiċċaw is-sanzjonijiet Amerikani.

    Teknikament dak li qed jiddiskutu li jagħmlu ftit hu differenti milli allegatament ipprova jagħmel il-mexxej tal-Pilatus, bla dubju fl-interess ta’ familtu li kienet imdaħħla fin-negozji mal-Veneżwela... imma żgur ukoll f’linja mal-politika tal-gvern tal-Iran. 

    ***

    ELEZZJONIJIET AMERIKANI

    Il-kontroversji dwar kif marru l-elezzjonijiet “mid-term” fl-Istati Uniti qed idumu biex ibattu. Min jara t-tazza nofsha mimlija, min nofs vojta.

    Li hemm interessanti f’dan kollu hu kif is-sistema politika Amerikana jirnexxielha ddaħħal il-kontrapiżi fit-tmexxija biex ma tħalli lil ħadd iżomm dominanza wisq fit-tul: la l-White House, la l-Kungress, la l-Qrati; la d-Demokratiċi u lanqas ir-Republikani; la l-istati u lanqas il-gvern federali.

    Kollha l-ħin kollu jaraw kif se jaslu għal xi dominanza. Anke meta jirnexxielhom għal xi żmien, donnhom jafu li wara se jerġgħu jitilfuha. Togħġobni bħala sistema ta’ demokrazija għalkemm għandha żewġ żvanaġġi: il-polarizzazzjoni hi deni dejjem għaddej (imma f’pajjiżna mhux l-istess?); u jkun hemm wisq żminijiet meta kull deċiżjoni importanti donnha tisfa maqbuda f’paraliżi. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0