Kompetizzjoni (iv)

  • Nov 19, 2018 11:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Fl-aħħar artiklu li ktibt semmejt is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li bħala riżultat kien ifisser li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA ma jistax jimponi multi meta jkun sar ksur tal-liġi tal-Kompetizzjoni.  Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm sentenza oħra tal-Qorti Kostituzzjonali fejn ġie deċiż li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni lanqas jista’ jinvestiga u jiddeċiedi jekk ikun hemm ksur ta’ Liġi tal-Kompetizzjoni.   

    Dan ifisser li, minħabba disinjar ħażin tal-Liġi tal-Kompetizzjoni, illum għandna Uffiċċju li kważi m’għandu l-ebda funzjoni.  Sitwazzjoni tal-biki għaliex dan ifisser li ma hemm l-ebda xkiel li kumpanija tikser il-liġi tal-Kompetizzjoni u barra li tagħmel ħsara lis- Suq, tagħmel ħsara lill-kumpaniji oħra li jkunu qed jimxu mal-Liġi, tagħmel ħsara lill-konsumaturi u tispiċċa b’aktar profitti fil-but! Kull min jifhem ftit fl-Ekonomija jaf li ħafna mill-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi jissolvu ruħhom li kieku hawn aktar kompetizzjoni.

    Dan għandu juri l-urġenza li jsir it-tibdil meħtieġ fil-liġijiet tagħna, inkluż il-Kostituzzjoni, jekk ikun hemm bżonn, biex l-affarijiet jirranġaw ruħhom malajr.  Nittama li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni diġa qed jipproponi lill-Ministru responsabbli dak it-tibdil meħtieġ fil-liġijiet tagħna biex dan l-Uffiċċju, li hu bżonnjuż, jerġa jkollu l-poteri biex jaħdem ħalli jassigura li f’Malta il-kompetizzjoni fil-qasam kummerċjali tirrenja.

    Kashoggi

    Dan l-aħħar ktibt dwar kif ngħawġu l-valuri tagħna kif jaqbel lilna u semmejt li dan isir anki fil-livell internazzjonali.  Dan l-aħħar inqatel il-ġurnalist Kashoggi – ġurnalist mis-Saudi Arabia.  

    Il-qtil tiegħu sar fil-Konsulat tas-Saudi Arabia fit-Turkija.  Il-qtil jafu li sar hemm għax anki s-Saudi Arabia ammettit dan.  Qtil li xxokkja lil ħafna għax kulħadd jaf minn ordnah.  Qtil li hemm il-provi kollha dwaru minkejja li ġismu għadu ma nstabx.  

    Din l-aħbar ħawdet lill-mexxejja kollha tal-Punent.  Kollha jafu li riedu jagħmlu xi ħaġa biex isalvaw wiċċhom speċjalment meta kulħadd jaf bil-passi li ħadu kontra r-Russja meta kien hemm attentat ta’ qtil fuq Sergei Skripal – spjun Russu li kien ħadem għall-Ingliżi kontra pajjiżu.  F’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda prova li wara dan l-attentat kien hemm il-gvern Russu.  Biss is-suspett kien biżżejjed biex jittieħdu passi ħorox kontra r-Russja li komplew jagħrqu r-relazzjonijiet magħha.  

    F’dan il-każ issa li hemm il-provi għadu ma sar xejn għax il-pajjiż involut hu s-Saudi Arabia – ħabib kbir tal-punent minkejja in-nuqqasijiet kbar li għad hemm fid-drittijiet umani.  Imma la dan hu ħabib, ma nistgħux naħsbu kif ser nieħdu l-passi jekk ma jkollniex il-provi kollha.  Jekk ma jkunx hemm dan, żgur li mhux ser nieħdu passi!  

    Kif jistgħu jieħdu passi kontra s-Sawdi Arabja meta dan il-pajjiż mhux biss għandu l-vit taż-żejt f’idu, iżda hu xerrej kbir tal-armi tal-punent.  May ma tkellmet xejn ħlief li qalet li mhux ser toħloq sitwazzjoni antipatka lill-industrija tal-armi tagħha.  L-istess qal il-president Amerikan.  L-Ewropa qatt ma kienet mifxula daqs kemm hi f’din is-sitwazzjoni u Marcon li jemmen li hu l-ispirazzjoni għall-Ewropa, baqa’ ċass.  

    Daqshekk jgħoddu l-valuri li fuqha hi bbażata l-Unjoni Ewropea!  Sitwazzjoni li turina li l-valuri nużawhom kif u meta jaqblilna.  Għalhekk l-Unjoni Ewropea tinsab fhiex inhi.

    Librerija tip ġdid

    Dan l-aħħar kont qiegħed Catania u hemm rajt tip ta’ librerija li għalija kienet ġdida.  Din il-librerija taħdem hekk.  Int tmur u tpoġġi ktieb u tieħu ieħor mil-librerija.  Nemmen li din it-tip ta’ librerija għandha vantaġġ.  Wieħed mill-vantaġġi hu li din il-librerija hi waħda ħajja fis-sens li din dejjem tinbidel għaliex il-kotba li jkun hemm ġo fiha dejjem jinbidlu.  Barra minhekk, il-varjeta’ tal-kotba hi ħafna akbar għaliex dawn il-kotba mhux magħżula minn xi ħadd, iżda jirriflettu dak li l-qarrejja jkunu qed jaqraw.  

    Vantaġġ ieħor hu li nkunu qed inħarsu l-ambjent.

    S’intendi din it-tip ta’ librerija tiddependi mill-qarrejja.  Dan għaliex kull min juża din il-librerija għandu jkollu interess li din tibqa’ ħajja u tikber.  Jekk ma jsirx hekk, din il-librerija tmut.  Jekk il-qarreja għandhom interess, din tikber u tkun ukoll ta’ vantaġġ għal min jużaha.  Barra l-vantaġġ li jien ser ikolli għażla ta’ kotba dejjem akbar, din il-librerija nista’ wkoll nużaha bħala post fejn inpoġġi l-kotba tiegħi.  Dan ikun vantaġġ sew għalija u sew għal qarrejja oħra.  

    Dan ma jfissirx li ma nżommx kotba d-dar.  Kotba ta’ referenza, bħad-dizzjunarji, id-dar inżommhom.  L-istess min imexxi din il-librerija xorta jrid jara li kotba ta’ ċertu preġju jibqgħu fiċ-ċirkolazzjoni.

    Il-bażi ta’ librerija bħal din hi l-kooperazzjoni u li ħadd ma jipprova jieħu vantaġġ minnha a skapitu ta’ ħaddieħor. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0