MIRI AMBJENTALI

  • Nov 22, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    MIRI AMBJENTALI

    M’aħniex qed nilħqu l-miri ambjentali li ġew issettjati għal kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. U allura jkollna nħallsu jew multi jew “nixtru” l-vouchers ambjentali ta’ pajjiżi li laħqu l-miri tagħhom u qabżuhom.

    L-istorja ma bdietx ilbieraħ.

    Niftakarni mas-seba’ snin ilu, jekk mhux aktar, fil-kumitat tal-kontijiet publiċi tal-Parlament Malti, ninsisti għal rendikont ta’ fejn konna sejrin fit-twettiq tal-miri ambjentali Ewropej li konna diġà aċċettajna dak iż-żmien. Staqsejt għal kemm se jkunu jlaħħqu l-piżijiet finanzjarji jekk nibqgħu ma nissodisfawx il-kondizzjonijiet li tpoġġew fuqna.

    Min-naħa tal-gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, kien hemm reżistenza biex dil-ħaġa ssir, imma fl-aħħar qablu li l-Awditur Ġenerali għandu jintalab jagħmel rapport fuq il-problema.

    Għamlu. Ir-rapport tiegħu żgur għadu jista’ jinstab. Il-kalkoli tiegħu xejn ma kienu sbieħ. Forsi ma morniex daqshekk ħażin daqskemm bi prudenza stħajjel. M’aħniex wisq bogħod minn ċerti kalkoli li għamel, madankollu.

    ETIKA U POLITIKA

    Ħadt sehem f’seminar organizzat mill-Fondazzjoni Ideat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dwar l-etika u l-politika, suġġett li jibqa’ dejjem topiku. Ħadt gost insib kif dawk li pparteċipaw kellhom interess akut fih. Bla illużjonijiet dwar kif titmexxa l-politika, xorta ma kinux lesti jabbandunaw prinċipji bażiċi.

    Għax fil-fatt, kif iddiskutejna, l-aqwa sfidi u diffikultajiet fil-politika jinqalgħu meta tiġi biex twettaq dak li dħalt għalih biex twettaq: l-ewwel trid tasal. Jekk ma tasalx, inutli: dak li trid twettaq, mhux se jitwettaq.

    U allura, t-tentazzjoni tqum li biex tasal ħalli tkun tista’ twettaq, tagħmel kompromessi dwar dak li temmen fih. Qed nitkellmu ovvjament, dwar ħidma politika ġenwina, mhux waħda korrotta, imfassla għal xi interess personali.

    BREXIT: FTEHIM?

    Min fir-Renju Unit qed jikkritika bl-aħrax il-ftehim konkluż dwar il-Brexit, għandu raġun. Hu ftehim li ma jagħti l-ebda nifs lir-Renju Unit: għal żmien li jista’ jitwal, il-pajjiż se jġorr l-iżvantaġġi tas-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea bla ma jaqsam fil-vantaġġi. U aktar minn hekk: bla ma jkollu sehem fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.  

    Il-Brittaniċi qed ikollhom iħallsu prezz iebes għall-fatt li kienu maqsumin bejniethom dwar x’riedu tassew.

    L-Ewropej baqgħu jagħfsu bla ma ċedew xejn mill-għan tagħhom li mhumiex se jħallu min jiggwadanja mis-suq wieħed li rnexxilhom jibnu, mingħajr ma jġorr ukoll ir-responsabbiltajiet tiegħu. F’hekk irnexxielhom – imma nissuspetta li ma qisux biżżejjed il-konsegwenzi tal-istrateġija tagħhom.

    Bl-ebda mod ma riedu jagħtu xi inkoraġġiment lil xi stat jew ieħor li jitħajjar joħroġ mill-Unjoni. Dawk (jekk għad jeżistu) li fil-futur jkunu jridu jagħmlu dil-ħaġa għal pajjiżhom, żgur se jifhmuha dil-biċċa. Kif se jaġixxu?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0