REGĦBA... Wisq iridu jagħmlu ħafna ħafna flus malajr u mingħajr taħbit

  • Nov 26, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    REGĦBA

    Stagħġibt ftit dil-ġimgħa: fi tliet konversazzjonijiet separati ma’ tlieta min-nies (Maltin) li ma jafux lil xulxin, qamet l-istess kelma. Użawha biex ifissru x’jidhrilhom li hu l-aqwa difett fil-ħidma ekonomika ta’ madwarna. Ma għamluhiex għax tħallew lura fil-ġirja lejn is-suċċess. Anzi bla problema ta’ xejn irrikonoxxew li l-ekonomija tagħna qabdet rankatura sabiħa li sostniet għal numru ta’ snin.

    Ir-regħba: minnha li jaqblilna noqgħodu attenti, qaluli. Wisq Maltin iridu jagħmlu ħafna ħafna flus malajr malajr u mingħajr taħbit.

    Fil-ħeġġa li biha r-regħba twassal lin-nies biex jiġru wara l-iċken opportunità li toffri prospetti ta’ qligħ faċli, malajr tintilef il-ħila biex wieħed jagħraf jekk dak li jleqq hux siewi jew falz. B’hekk, il-prosperità tinbena fuq pedamenti li malajr jistgħu jisfrundaw.

    NIHIL OBSTAT

    Wasal fl-aħħar il-proċess li bih kull sena, l-Kummissjoni Ewropea saret tifli l-baġits imħejjija mill-gvernijiet tal-pajjiżi membri taż-żona tal-ewro l-aktar, biex tara jaqblux mar-regoli taż-żona għall-miri li għandhom jilħqu.

    Dwar Malta, il-Kummissjoni ftit kellha xi tgħid. Ir-regoli tal-ewro mhux biss ġew rispettati imma ninsabu f’qagħda ħafna aħjar milli jesiġu. 

      Il-Kummissjoni kellha materji ħafna eqlel minn ta’ Malta x’tikkunsidra – fuq quddiem nett, il-kwistjoni Taljana.

    Tabilħaqq, dan l-eżerċizzju dwar il-baġits nazzjonali jinħass goff u komplikat. Hu diffiċli tkejjel kemm tidħol politika ġo fih. Anke hawn, jekk pajjiż ikunx miċ-ċkejkna jew mill-kbar jaffettwa d-deċiżjoni li tittieħed dwaru – għalkemm lil kull min tkellem fil-Kummissjoni, se jiċħad dan bl-akbar qawwa. 

      Kien Jean Claude Juncker biss għal waqt wieħed fl-aħħar snin li forsi bi żball, tkellem b’onestà. Dwar il-fatt li Franza ma kinitx qed issegwi r-regoli taż-żona, qal: E! Franza! Lil Franza x’tista’ tgħidilha biex twissiha...?

    Iċ-ċerimonjal kollu sar jixbah kif il-Knisja Kattolika tagħti l-imprimatur lil xi ktieb tat-teoloġija li jkun ħiereġ. Il-proċess tal-Knisja hu aktar effettiv minn tal-Kumissjoni Ewropea.

    FTEHIM PESPUSA 

    Fl-aħħar, Franza u l-Ġermanja laħqu ftehim dwar x’għandhom jipproponu lil sħabhom bħala l-ewwel passi tar-riforma meħtieġa fit-tmexxija taż-żona tal-ewro. Għamlu dan f’test ta’ żewġ paġni li jfisser kif jista’ jitwaqqaf “baġit” għaż-żona tal-ewro. 

    Il-proposta franko-ġermaniża ftit impressjonat. Hi timida għall-aħħar. Tammonta għal ħafna anqas minn dak li ppropona l-President Macron meta daqs sena u nofs ilu, reġa’ tellaq l-idea li r-riforma fiż-żona tal-ewro kienet saret urġenza.

    Minkejja d-dgħufija ta’ x’qed jiġi propost, xorta tqanqlet reżistenza għalih. X’inhu l-bżonn tiegħu? qamet il-mistoqsija minn dawk li ma jridux jafu b’“riformi”. Il-mistoqsija tagħhom tieħu saħħa akbar meta tqis kemm jidhru mpespsa s-suġġerimenti ta’ bidla li tressqu.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0