Brexit u ‘il hinn minnu

  • Nov 28, 2018 07:00
  • Miktub minn Chris Fearne

    Il-Ħadd li għadda waqt summit fi Brussell tal-mexxejja Ewropej, inkluż il-Prim Ministru tagħna Dr Joseph Muscat, intlaħaq ftehim dwar Brexit. Dan se jwassal biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea f’Marzu 2019, biex imbagħad jiskattaw sentejn bħala perjodu ta’ transizzjoni biex tiġi negozjata r-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

    Kif stqarr il-Prim Ministru nnifsu Malta tilfet alleat li matul iż-żmien dejjem sabet fuq l-istess paġna fuq materji relatati ma’ finanzi u affarijiet ekonomiċi. Malta mhu se titlef xejn mir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju Unit u b’dan il-ftehim mhu se nitilfu xejn mid-drittijiet dwar il-pazjenti, studenti u ċittadini li huma protetti b’dan il-ftehim u ftehimiet oħra.

    Dan iwassalni għal qasam partikolari, il-qasam tas-saħħa li għalih responsabbli jien bħala Ministru għas-Saħħa. Ir-relazzjoni ta’ pajjiżna mar-Renju Unit fejn tidħol is-saħħa tmur lura snin twal. Dejjem kien hemm kollaborazzjoni mill-qrib. Kollaborazzjoni  li dejjem wasslet għal fiduċja u rispett reċiproku. 

    Ftit tal-ġimgħat ilu akkumpanjajt lill-President tar-Repubblikka Marie-Louise Coleri Preca fi żjara li għamlet f’diversi sptarijiet f’Londra fejn pazjenti Maltin u Għawdxin jinsabu rikoverati għall-kura b’riżultat ta’ diversi ftehimiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Tul l-istess żjara kien diskuss kif nistgħu nkattru u nsaħħu din il-kollaborazzjoni. L-istess sar, u se jkompli jsir, fejn jirrigwarda taħriġ mediku u speċjalizzazzjonijiet ta’ tobba Maltin, li għandu jingħad li fir-Renju Unit ingawdu rispett kbir. L-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom rispett u fiduċja kbira fl-Iskola Medika tagħna.

    Tul il-jiem taż-żjara mill-President tar-Repubblika fir-Renju Unit kien hemm għall-kura 38 pazjent Malti fi 11-il sptar differenti. Is-sena li għaddiet in-numru ta’ sptarijiet fir-Renju Unit li minnhom ingħataw servizzi ta’ kura lil pazjenti Maltin u Għawdxin kien jammonta għal 51. B’kollox f’dawn l-isptarijiet matul is-sena 2017 marru 773 pazjent. Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena f’dawn l-istess sptarijiet diġà ntbagħtu 553 pazjent. Bejn is-sena 2013 u Mejju ta’ din is-sena intbagħtu fi sptarijiet fir-Renju unit 2,793 pazjent Malti u Għawdxi. Ċifri li waħedhom biss jirriflettu kemm hija b’saħħitha l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tas-saħħa b’mod partikolari.

    Għal dak li huwa finanzjament għal kura ta’ pazjenti Maltin u Għawdxin fi sptarijiet barranin irrid nirrimarka li bejn is-sena 2013 u s-sena 2017 ġew allokati aktar minn €19.3 miljun. Għas-sena li waslet biex tintemm allokajna €4.6 miljun għall-istess għan, somma li madankollu mistennija li tinqabeż.

    Ir-rieda għat-tkattir ta’ din il-kollaborazzjoni tinsab fuq iż-żewġ naħat, u t-tnejn se nkomplu naħdmu fuqha ‘l hinn minn dak kollu li jista’ jfisser Brexit kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-Unjoni Ewropea.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0