Tlifna Raġel ieħor... Ċensu Moran

  • Nov 28, 2018 14:08
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Kien wieħed minn dawk in-nies li minnu ġid biss ħareġ.  Mhux talli hekk, iżda kien jaħdem biex joħroġ aktar ġid speċjalment għal dawk in-nies li kellhom bżonnijiet aktar minn ħaddieħor.  

    L-ewwel kuntatt li kelli miegħu kien meta mort noqgħod il-Fgura.  Darba kont ma niflaħx għax kienet qabditni influwenza qawwija.  Kien l-uniku tabib li kont naf li hemm fil-viċinanzi u tlabtu jiġi jarani.  Dak iż-żmien kien diġa’ Membru Parlamentari.  Qalli li kellu jiġi jarani wara l-Parlament.  Meta wasal nofsillejl qtajt qalbi li narah dakinhar.  Iżda kont żbaljat għaliex għal ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu ċempel il-bieb u kien it-tabib Moran.  Bqajt skantat għax waraja kien hemm pazjenti oħra.  Dakinhar ittendejt li dan kien raġel li għalih il-pazjent kien jiġi l-ewwel u li kien raġel li tista’ toqgħod fuqu.

    Biss  kien laqgħatni wkoll bħala tabib għaliex meta kien jara pazjent ma kienx jara biss il-mard, iżda kien jara l-bniedem.  Kien tabib li jifhmek, jagħraf dak li tkun qed tħoss u jgħinek ukoll psikoloġikament.  

    Iżda Ċensu Moran uża l-politika biex ikabbar il-ġid li jista’ jagħmel.  Meta kien Ministru tas-Saħħa, kien bniedem dedikat li mhux biss ikabbar il-faċilitajiet tas-servizz tas-Saħħa izda kien imur jara b’għajnejh kif l-affarijiet mixjin.  Kien Ministru li qatta’ ħafna mill-ħin tiegħu dieħel u ħiereġ l-Isptar San Luqa biex jassigura li l-affarijiet jimxu sew u l-pazjent jieħu dak li jkun meħtieġ.  Dan għamlu minkejja l-bsaten fir-roti li wħud kienu għamlu.

    Ir-riformi li għamel fil-qasam tas-Saħħa għadna ngawduhom sal-lum u żgur li ser jibqgħu jgawduhom uliedna u wlied uliedna.  

    Hi ħasra li nies bħal dawn li għamlu daqshekk ġid, wara ftit jintesew filwaqt li ħaddieħor minħabba ħsara u l-partiġġjaniżmu llum qed nippruvaw nagħmluh eroj.  Huma nies bħal Ċensu Moran li għandna nfakkru biex l-ispirtu tagħhom jibqa’ ħaj u jinxtered.  

    Parkeġġ il-Gudja

    Dan l-aħħar inqalgħet kontroversja fuq il-parkeġġ fil-Gudja.  Il-Kunsill qed jitlob biex idaħħal regolament biex nies mhux residenti il-Gudja ma jkunux jistgħu jħallu l-karozza tagħhom ipparkjata hemm aktar minn 24 siegħa.  

    Din il-kontroversja għandha żewġ aspetti.  L-ewwel hu jekk lokalitajiet għandhomx ikollhom il-poter li jagħmlu restrizzjonijiet fuq il-parkeġġ u t-tieni aspett hu għaliex inqalgħet din il-kontroversja.

    Nemmen li l-Kunsilli għandhom rwol x’jilagħbu biss hemm ċerti aspetti li f’Malta minħabba ċ-ċokon tagħna ma jistax ikun li jkollna aktar minn policy waħda.  Din il-kontroversja mhix l-ewwel darba li nqalgħet.  L-ewwel ma niftakar kien meta Kunsill kien ipprova jgħaddi regolament biex ma jħallix vetturi kbar jgħaddu mil-lokal.  Jekk taraha waħedha, hi xi ħaġa tajba.  Hu tajjeb li nnaqsu l-arja ħażina li jħallu dawn it-tip ta’ karozzi barra l-irħula u l-ibliet tagħna.  Biss hu possibbli li dan isir minħabba ċ-ċokon tagħna?  

    Lanqas jekk hu possibbli li dan isir, xorta nemmen li jekk inkunu ser niddeċiedu hekk irid ikun hemm politika waħda nazzjonali u mhux kull lokal jiddeċiedi għal rasu.  Jekk ma jsirx hekk taħwid ikollna għax kull lokal għandu bżonnijiet differenti.  Jekk kull lokal jaħdem għar-rasu, tibda taqta’ qalbek toħroġ mil-lokal tiegħek għax trid tiftakar mhux biss ir-regolamenti partikolari tal-post fejn sejjer, iżda wkoll ir-regolamenti ta’ kull post li trid tgħaddi minnu biex tasal fejn trid.  

    Biss sfortunatament, kien hemm lokalitajiet fejn dawn tħallew jirrestringu l-parkeġġ lin-nies li ma joqogħdux f’dak il-lokal.  Għad għandna lokalitajiet fejn ħafna mill-parkeġġ, jekk int ma tgħix f’dak il-lokal, ma tistax tħalli l-karozza tiegħek f’dak il-parkeġġ aktar minn ċertu ħin.  Fil-fatt dan ħoloq inġustizzja ma’ dawk ir-residenti ta’ postijiet fejn dawn ir-regolamenti ma jeżistux.  Il-ħasra hi li dawk il-Kunsilli li daħħlu dawk ir-regolamenti ma twaqqfux.

    It-tieni aspett hu għaliex inħolqot issa din il-problema għaliex l-ajruport ilu snin li nbena.  Ir-raġuni hi li min qed imexxi l-parkeġġ tal-ajruport iddeċieda li jgħolli l-prezzijiet b’mod esaġerat li llum meta ssiefer ma jaqbillekx li tħalli l-karozza tiegħek l-ajruport jekk ser iddum aktar minn 24 siegħa.  Jekk il-prezzijiet huma għolja għal min isiefer, aħseb u ara kemm huma għoljin għal min jaħdem fl-ajruport.

    Hawn tidħol il-kompetizzjoni.  Dan hu parkeġġ li għandu monopolju għaliex ma hemmx parkeġġ ieħor fil-viċin.  Il-parkeġġ fil-Gudja ma hux daqshekk fil-viċin.  Dan juri kemm il-prezzijiet għolew biex persuna tmur tipparkja l-Gudja u mhux fil-parkeġġ tal-ajruport.  

    L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jidħol għaliex meta għandek monopolju, l-Uffiċċju għandu d-dritt li jinvestiga l-prezzijiet u jekk jara li dawn huma għoljin jista’ jieħu azzjoni.  L-azzjoni tista’ tkun diversa.  

    Dan ifakkarni meta kienu nbidlu r-regolamenti fuq l-affarijiet li tista’ ttella’ miegħek fuq l-ajruplan.  Qabel kont tista’ ddaħħal miegħek flixkun ilma miegħek fl-ajruport.  Wara dan it-tibdil fir-regolamenti, jekk per eżempju, jkollok bżonn ilma biex tieħu xi pinnoli, kien ikollok bżonn tixtri bilfors flixkun ilma minn ġo l-ajruport.  Il-problema hu l-prezz għaliex bil-prezz li tixtri flixkun ilma żgħir minn ġol-ajruport tixtri mill-anqas 12-il flixkun minn ġo supermarket.  

    Niftakar li bħala Għaqda tal-Konsumaturi konna ġibna dan għall-attenzjoni tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni, dak iż-żmien kien għadha ma twaqqfitx l-Awtorita’ (MCCAA).  Wara taħditiet konna sibna soluzzjoni.  Is-soluzzjoni kienet li jiġi pprovdut ilma tax-xorb.  Fil-fatt illum hemm żewġ water dispensers fis-sala tat-tluq.  Dawn qiegħdin ħdejn il-latrini li hemm f’din is-sala.  Hi ħasra li ma tantx jintużaw.  Li kieku jintużaw, żgur li l-prezzijiet fis-sala tat-tluq tal-ajruport jinżlu.  

    L-istess jiġri fuq il-prezzijiet tal-affarijiet l-oħra jekk il-passiġġieri jirrealizzaw li huma jistgħu jdaħħlu magħhom affarijiet bħal sandwiches.  Forsi hemm min jgħid li dawn huma ħmerijiet.  Jista’ jkun,biss meta l-konsumaturi jħallsu bl-addoċċ ifisser li jifilħu jħallsu prezzijiet għolja.  B’hekk jitilgħu l-prezzijiet.  Irridu niftakru li din iż-żieda ma tkun xejn għajr inflazzjoni li ġġib talbiet għal pagi aktar għoljin u theddida għall-impiegi.   

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook