Kemm inħallsu taxxi?

  • Diċ 03, 2018 07:40
  • Miktub minn Alfred Sant

    Mod kif tqis kemm hu kbir il-piż tat-taxxi f’pajjiż hu billi tara xi spazju “jittieħed” mit-taxxi fl-ekonomiji: id-daqs tagħhom bħala proporzjon tal-Prodott Gross Domestiku. Imbagħad tista’ tqabblu ma’ ta’ pajjiżi oħra. Statistika maħruġa mill-Eurostat għamlet hekk għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea sas-sena 2017.

    F’pajjiżna f’dik is-sena, it-taxxi laħhqu 33.4 fil-mija tad-daqs tal-ekonomija – anqas sew mill-medja tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi: 40.2 fil-mija. Il-pajjiż bl-anqas persentaġġ kien l-Irlanda  (23.5 fil-mija) u dak bl-ogħla Franza (48.4 fil-mija).

    Mhux ta’ b’xejn li Franza dejjem tisħaq fuq il-ħtieġa li fl-Unjoni jkun hemm “armonizzazzjoni” tat-taxxi. Sadattant, Malta tiġi fit-tmien post ta’ dawk bl-anqas “piż”.

    L-Eurostat turi wkoll kif tqassmu dawn il-persentaġġi skont l-għejun ta’ taxxa: fuq produzzjoni u importazzjoni; fuq dħul ta’ persuni u profitti ta’ kumpaniji; u f’kontribuzzjonijiet soċjali netti.

    F’Malta l-aqwa dħul jiġi minn taxxi fuq id-dħul ta’ persuni u profitti : 14.1 fil-mija tal-PGD. F’dan ninsabu qrib ħafna tar-Renju Unit u l-Italja, 14.2 u 14.5 fil-mija rispettivament.

    ***

    TAXXA FUQ ID-DIĠITALI 

    Is-servizzi diġitali jinsabu kullimkien u ma jinsabu mkien. Il-kumpaniji l-kbar tal-Internet – Google, Amazon, Facebook u Apple – huma f’pożizzjoni li jammanipulaw l-ispejjeż u l-profitti tagħhom. Jistgħu juru kemm qalgħu fejn jaqblilhom – ġeneralment fejn jintaxxawhom mill-anqas jew xejn. L-għajta kontrihom bħala GAFA, kif inhuma magħrufa, ilha tinstema’.

    Ftit ilu l-gvern Franċiż ħareġ bl-idea li biex tal-GAFA jinġabu taħt kontroll, jibdew jiġu ċċarġjati taxxa ta’ 3 fil-mija fuq kull xi jbigħu fejn ibigħuh. Personalment naraha idea tajba.

    Biss, bl-introduzzjoni tagħha jiġu affettwati prinċipji oħra ta’ tmexxija fl-Unjoni Ewropea, li Malta ma jaqblilhiex tiċħad: fuq kollox, li t-tassazzjoni tibqa’ responsabbiltà sovrana tal-pajjiżi membri. Imma hemm oħrajn ukoll.

    Għalkemm dubjuża għall-bidu, il-Kummissjoni Ewropea “ikkonvertiet” u saret favur taxxa fuq id-diġitali. Pajjiżi membri baqgħu xettiċi. Fosthom il-Ġermanja.

    ***

    BERTOLUCCI

    Ma niftakarx eżatt fejn rajtu l-ewwel – jekk hux fiċ-ċinema ta’ San Remo il-Ħamrun li kienu janimaw Peter Serracino Inglott u Karmenu Mifsud Bonnici jew hux f’xi sala ċkejkna tal-films li kienu jiżgħudu Pariġi fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor.

    Il-film “Prima della Revoluzione”  baqa’ f’moħħi dak li jorbot isem Bertolucci mal-aqwa taċ-ċinema Ewropew.

    “L-Aħħar Tango f’Pariġi” kien sensazzjonali imma ftit aktar minn hekk. “Il Conformista” għadilli tal-aqwa kalibru ma żammx l-impatt f’moħħi ta’ “Revoluzione”, li rajt għal darba wara l-oħra.

    Aktar u aktar għax ir-rabta tal-film mar-rumanz ta’ Stendhal “Il-Monasterju ta’ Parma”, li Bertolucci nnifsu saħaq fuqha, sibtha affaxxinanti.

    Mewtu ġimgħa u nofs ilu qanqlet ħafna tifkiriet. Kien artist eċċezzjonali. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0