Pjan strateġiku għas-saħħa mentali 2020-2030

  • Diċ 05, 2018 09:15
  • Miktub minn Chris Fearne

    Aktar tard dalgħodu, illum l-Erbgħa, 5 ta’ Diċembru, 2018, se nkunu qegħdin invaraw d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020-2030. Il-varar ta’ dan id-dokument ta’ konsultazzjoni se jsir waqt Konferenza Nazzjonali tal-istake holders kollha li se tittella’ fil-kampus tal-Università l-Qadima, il-Belt.

    Sfortunatament, u dan ngħidu b’dispjaċir kbir, il-qasam tas-saħħa mentali kien ilu snin twal jiċċaħħad mill-importanza li fir-realtà tixraqlu. Biżżejjed wieħed jikkonsidra l-istat li sibna fih l-isptar ewlieni għall-kura tal-mard mentali, Sptar Monte Carmeli. Imma issa dak huwa passat u inutli noqogħdu nitkellmu fuqu. Irridu nħarsu ‘l quddiem. Il-qasam tas-saħħa mentali se jkun pilastru ewlieni fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa għas-snin 2020-2030.

    Il-pjanijiet fil-qasam tas-saħħa mentali huma fuq erba’ binarji differenti: il-bini ta’ sptar ġdid akut għas-saħħa mentali; xogħlijiet strutturali kbar fl-Isptar Monte Carmeli; tisħiħ tal-kura mentali fil-komunità u s-servizzi għat-tfal u l-adoloxxenti.

    L-isptar il-ġdid għall-kura akuta se jinbena qrib l-Isptar Mater Dei u se jkollu 120 sodda. L-art li fuqha se jinbena diġà qegħda f’idejn il-Gvern.

    Ix-xogħolijiet strutturali pjanati għall-Isptar Monte Carmeli huma kbar ħafna u f’kull forma. Xogħlijiet li jvarjaw minn tibdil ta’ soqfa ta’ swali, art, provvista ta’ dawl u ilma, għamajjar u apparat mediku u mhux. Fil-Baġit 2019 li ġie preżentat fil-Parlament ftit tal-ġimgħat ilu ġew ivvutati €6.5 miljun għal dawn ix-xogħlijiet, li huma parti minn programm ta’ xogħol mifrux fuq medda ta’ kważi ħames snin u li huwa stmat li se jkun jiswa aktar minn €30 miljun.

    Se jkompli jissaħħaħ il-binarju li fuqu huma msejsa l-pjanijiet fil-qasam tas-saħħa mentali fejn jirrigwarda l-kura fil-komunità. Dan qiegħed isir, u se jkompli jissaħħaħ, b’kollaborazzjoni ma’ Organizzazzjonijiet non-Governattivi bħalma huma Richmond Foundation u Suret il-Bniedem li bejniethom imexxu erba’ hostels fil-komunità li fihom jilqgħu persuni li jkunu jbatu minn mard mentali imma li jkun possibbli għalihom li jingħataw il-kura meħtieġa barra minn l-isptar u li tgħinhom jibqgħu f’ambjent komunitarju.

    Se jkomplu jissaħħew is-servizzi tas-saħħa mentali lil tfal u adoloxxenti, servizzi li jingħataw mit-Taqsima Young People’s Unit li filwaqt li tifforma parti mill-Isptar Monte Carmeli tinsab ‘il barra mill-ħitan tiegħu. Huwa pjanat li apparti dan nis-servizz il-Gvern jagħmel sejħa pubblika għal aktar servizzi simili provduti minn Organizazzjonijiet non-Governattivi.

    Wara t-tnedija ta’ dalgħodu tad-Dokument għall-Konsultazzjoni Pubbika dwar il-Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020-2030 skatta l-perjodu tal-konsultazzjoni, liema perjodu jagħlaq fl-aħħar ta’ Frar 2019. Kulħadd huwa mistieden jissottometti suġġerimenti u kummenti. Dan jista’ jsir permezz ta’ email fuq mentalhealthstrategy.health@gov.mt; jew bil-posta lil:

    Mental Health Strategy Consultation,
    Dipartiment għas-Saħħa Pubblika,
    Ministeru għas-Saħħa,
    15, Triq il-Merkanti, il-Belt. VLT 1171

    Ħidma kollettiva hija strumentali biex il-pajjiż jipprovdi l-għajnuna xierqa u mistħoqqa lil dawk iċ-ċittadini tiegħu li jintlaqtu minn problemi ta’ saħħa mentali. Ħajr lil kull min jista’ jkun ta’ għajnuna fil-qadi ta’ dmirijietna.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0