BREJK TURISTIKU

  • Diċ 06, 2018 08:28
  • Miktub minn Alfred Sant

    BREJK TURISTIKU

    Igħidulna li t-tkabbir tat-turiżmu għandu jiġi mrażżan għax resqin lejn qagħda fejn se nifqgħu l-ħila tal-pajjiż biex jilqa’ għall-esiġenzi li das-settur ipoġġi fuq l-infrastruttura ekonomika u soċjali.

    Jiskantani t-tertiq tal-imħuħ dwar jekk u kif għandniex napplikaw brejk raġonevoli għat-tkabbir turistiku. Hemm metodu ħafif u effiċjenti kif dat-trażżin jista’ jitwettaq bla kummiedji ta’ patrunaġġi okkulti.

    Kull binja ġdida turistika, kull titjib f’arranġamenti turistiċi eżistenti, jrid isir biss għalihom taħt il-liġijiet ta’ ippjanar u kull liġi oħra viġġenti.

    Jiġifieri investiment f’lukandi ġodda u tkabbir f’dawk eżistenti irid ikun “għal rasu”, marbut biss mal-ħidma tal-lukandiera... mhux mal-bini ta’ appartament u uffiċċji. Dak għandu jitqies bħala ħidma differenti li tgħodd għal investimenti oħra x’imkien ieħor.

    B’hekk investimenti turistiċi jiġu evalwati skont kemm tassew irendu bħala tali, mhux għax ikunu qed jirkbu fuq il-pedala ta’ binjiet li se jinbigħu bħala residenzi u uffiċċji ġodda.

    BIBIEN IDURU

    Interessanti l-kontroversja li qamet dwar bidla fir-regolamenti tas-servizz publiku li jiddefinixxu kif impjegat iħalli kariga ta’ sorvelja fuq xi settur ekonomiku jew professjonali. Ma jippermettulux minnufih jieħu kariga fis-settur li kien jissorvelja. Id-dettalji dwar  il-kontroversja għad iridu joħorġu u ta’ min isegwihom.

    Fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej jeżistu regoli kontra din il-biċċa ta’ bibien “iduru”, kif isejħulha. Snin ilu, meta kienet qed tiġi diskussa fil-Parlament Malti liġi dwar l-Awtorità tal-Kumnikazzjoni qajjimt il-ħtieġa ta’ miżura li ma tħallix pereżempju, lil min imexxi l-awtorità jmur minnufih f’kariga għolja mal-Go jew il-Melita. Għall-bidu il-ministru Nazzjonalista konċernat ma riedx jaf. Wara seduta jew tnejn ta’ diskussjoni qabel mal-proposta u daħħalha.

    F’anqas minn sena wara li l-abbozz sar liġi, l-istess ministru kellu jħaddimha. Sakemm tiddaħħal u titwettaq b’mod trasparenti u raġonevoli, hi miżura meħtieġa ħafna.

    TAXXI U RESPONSABBILTÀ SOĊJALI

    Fl-ewwel sena tal-ħidma tiegħu, il-gvern imwaqqaf fi Franza taħt il-presidenza ta’ Emmanuel Macron naqqas it-taxxi fuq id-dħul u l-kapital tas-saffi soċjali l-aktar għonja. Il-gvern iġġustifika dan billi sostna li l-impriżi kkontrollati minn dawn is-saffi soċjali se jinvestu aktar, joħolqu aktar impjiegi u jżidu fil-ħolqien tal-ġid li jibbenefika lil kulħadd.

    Macron ġie mixli li hu l-president tal-bankiera.

    Dis-sena l-gvern żied it-taxxi fuq id-diesel, meħtieġ minn ħafna nies bi dħul baxx jew mezzan li jgħixu barra l-bliet biex imorru bil-karozza għax-xogħol. Ir-raġuni mogħtija mill-gvern kienet li hemm bżonn jitnaqqas l-użu ta’ fjuwil li jniġġes, skont id-deċiżjonijiet meħuda fil-konferenza internazzjonali ta’ Pariġi dwar l-ambjent.

    Il-protesti kontra l-miżura baqgħu sejrin għal ġimgħa wara l-oħra u żiedu fil-vjolenza.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0