ĠUSTIZZJA U INVESTIGAZZJONI

  • Diċ 10, 2018 09:05
  • Miktub minn Alfred Sant

    ĠUSTIZZJA U INVESTIGAZZJONI

    Ma nifhimx kif kwalunkwe gvern jista’ jitqiegħed quddiem esiġenza politika li llum qabel għada, “jiskopri” min ikkommetta reat kriminali. 

     Hi ħaġa ovvja li l-gvern għandu d-dmir jassigura li kull riżors meħtieġ jitħaddem biex il-ħati jinstab. Allaħares ma jiġrix hekk.

    Jekk minn dan toħroġ tipproklama li l-ġustizzja mhijiex qed titwettaq għax il-ħati għadu ma nstabx, tispiċċa tmur wisq ’il-bogħod minn xinhu xieraq.

    Ma tistax tevalwa investigazzjoni kriminali skont kriterji politiċi ta’ x’messu jinstab jew le. Investigazzjoni għandha l-iskadenzi u l-iskolli tagħha skont iċ-ċirkostanzi li jiddefinixxu r-reat kommess. 

    Li tesiġi li gvern jiskopri min wettaq xhiex bħala turija ta’ kemm u kif qed titwettaq il-ġustizzja fil-pajjiż, f’ħafna każi mhi xejn aħjar minn gimmick. Dak hu li qed jipprovaw jimmontaw xi wħud fir-rigward tal-investigazzjoni kriminali għaddejja dwar il-qtil tas-sinjura Caruana Galizia.

    KOSTITUZZJONI

    Intqal bla bżonn ħafna diskors dispreġjattiv dwar il-Kostituzzjoni li assolutament ma jreġix. Bil-maqlub ta’ li ntqal, id-dokument hu wieħed li bena tajjeb fuq l-isfond storiku u politiku ta’ Malta. Integra miegħu aspetti validi ħafna, meħuda l-aktar mill-esperjenza demokratika Brittanika. Ipprovda diversi grampuni istituzzjonali li magħhom setgħu jintrabtu salvagwardji għall-iżvilupp demokratiku tas-soċjetà tagħna. 

    Veru li kien hemm oqsma fejn l-osservanza tal-Kostituzzjoni qieset aktar l-ittra milli l-ispirtu tal-klawsoli tagħha. Il-ħtija għal dan kienet il-polarizzazzjoni totali bejn iż-żewġ partiti l-kbar.

    Jekk irridu tassew nemendaw għall-aħjar mhux it-tqaċċit  hemm bżonn, imma ż-żieda ta’ salvagwardji fit-trasparenza, fil-ġustizzja soċjali u fil-kontabilità publika biex il-prinċipji li l-Kostituzzjoni tiddikjara, jitwettqu tassew.

    DRAWWIET LI JINTIRTU 

    Il-“moda” fl-ibliet Ewropej għal dawn iż-żminijiet saret il-ftuħ ta’ “swieq” jew “villaġġi” tal-Milied. Minn numru kbir ta’ gabbani, jinbiegħu oġġetti tal-ikel u souvenirs ta’ kull xorta. Jispikka fuq kollox, il-bejgħ ta’ inbid imsaħħan li fih jitfgħu lumi, għasel, ħwawar u ma nafx x’ingredjenti oħra. 

    Aktar ma taqa’ l-kesħa, aktar l-atmosfera ssir pjaċevoli. Tara familji sħaħ, tfal inklużi, jipprovaw iduqu minn kull x’qed joffru l-gabbani differenti – eżerċizzju li jista’ jissarraf fi spiża mhux żgħira.

    Il-prattika tas-swieq tal-Milied mhijiex ġdida imma faret f’dawn l-aħħar snin u xterdet maċ-ċentru tal-Ewropa san-nofs tal-Italja. F’Malta bdiet dieħla.

    It-tgergir qam li l-biċċa saret wisq kummerċjali. Fi Strasburg kien hemm min qalli li m’għadux iżur il-“villaġġi” tassew mifruxa li jittellgħu fiċ-ċentru. Kibru wisq; m’għadhomx ifakkruh fil-“villaġġi” li kien iżur meta kien għadu żgħir. Minflok imur f’xi komunità mbiegħda fejn is-sindku daħħal regolamenti li jipprojbixxu gabbani milli jbigħu oġġetti li ma kinux jinbigħu sebgħin sena ilu fis-suq tal-Milied tar-raħal. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook