Opportunita’ akbar għall-xiri online

  • Diċ 10, 2018 17:28
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Nhar it-Tnejn li għadda, 4 ta’ Diċembru 2018, skont regolamenti ġodda Ewropej, it-tfixkil u l-ħitan li kont issib f’ħafna websites Ewropej kellu jispiċċa.  Qed nirreferi għal dak li jissejjaħ geo-blocking.  Kienet ħaġa komuni li tmur fuq websites speċjalment dawk li jkun ta’ xi brand name li wieħed isib Malta, jara l-affarijiet, jibda jordna u meta tiġi tpoġġi d-dettalji tiegħek issib li ma tistax tkompli għaliex il-website kif tara l-kelma Malta tgħidlek li ma taqdix klijenti li joqogħdu Malta.  

    Kien hemm oħrajn fejn kif tipprova tidħol fil-website, issib li int qiegħed fuq il-website tal-istess brand imma ta’ Malta.  Hawn ser issib dawk il-prodotti li int issib ġol-ħanut.  Min forsi mhux imdorri li jixtri online, jgħidlek mhux xorta ser tinqeda!  Biss min hu mdorri mal-ewwel li jgħidlek li l-prezzijiet li ssib fuq il-websites ta’ pajjiżi oħra huma orħos milli tixtri jew mill-ħanut jew minn fuq il-websites lokali.  

    Dan barra il-fatt li int issib li fuq il-website tad-ditta ta’ barra ser issib għażla akbar ta’ oġġetti u ħafna drabi aktar moderni.  Hawn mhux qed insemmi s-sales li int issib fuq il-websites ta’ barra fejn is-sales ikunu vera sales.  

    Għaliex l-Ewropa ħadet dan il-pass?  Ir-raġuni hi sempliċi.  Dan it-tfixkil mhux talli kien imur kontra l-għan Ewropej tas-Single Market iżda jwaqqgħhu wkoll għar-redikolu.  L-idea ta’ Single Market hi li kull konsumatur f’kull rokna tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ jixtri dak li jrid minn kull pajjiż u li jkollu l-istess kundizzjonijiet sew fil-prezz, fil-kwalita’ u anki fil-garanziji.

    Dan kollu lilna l-Maltin kien qed jolqotna ħafna.  L-ewwel li rridu niftakru hu li l-Maltin jixtru ħafna online.  Ma tantx trid tkun għaref biex tittendi għaliex.  Minħabba dak li semmejt aktar ‘il fuq = prezzijiet u għażla.  Qabel ma kien hemm l-online shopping, il-Maltin kienu jmorru Sqallija biex jagħmlu x-xirjiet.  Illum l-internet hi aktar komda u aktar effiċjenti għaliex l-għażla fuq l-internet hi ħafna akbar milli ssib f’kull post.  

    Ktibt li dan lilna jolqotna aktar minn pajjiżi oħra.  Dan ġie kkonfermat riċentament minn survey Ewropew.  Tajjeb li nsemmu ftit figuri biex nuru dan u kemm din il-problema kienet estensiva.  

    L-ewwel li tolqtok hi li minn dan is-survey instab li kienu biss madwar 33 fil-mijja tal-websites Ewropej li minnhom tista’ tixtri mingħajr problemi.  L-oħrajn kollha kellhom xi ħaġa li li tirrestrinġi nies minn pajjiżi oħra milli jixtru minn fuqhom.  

    Skont l-istatistika, il-Maltin huma fost l-aktar li jixtru online.  Malta tiġi biss wara l-Lussemburgu.  Din hi indikazzjoni li ħafna mill-konsumturi Maltin mhux sodisfatti bis-suq Malti.  Li kieku kienu, ma kienx ikollhom għalfejn jixtru minn barra minn Malta.  Dan minkejja li f’Malta ilu li daħal il-parallel trading, jiġifieri li llum biex jien nimporta xi oġġett biex inbiegħu, mhux bilfors irrid inkun l-agent f’Malta ta’ dik id-ditta.

    Statistika oħra interessanti hi wara l-konsumaturi mill-Latvia (78%), il-Maltin flimkien mal-Islovakki (77%) huma l-aktar konsumaturi li jsibu li ma jitħallewx jixtru minn fuq websites Ewropej.  Jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet iżda fattur importanti hu l-ftehim ta’ Franchise li ħafna importaturi Maltin jagħmlu ma’ ditti barranin.  

    L-akbar problema li jsibu l-Maltin huma mill-websites Ingliżi (86.4%) u Taljani (83.8%).  Ħaġa naturali li tistenna meta ħafna mill-brand names l-aktar popolari Malta huma dawk Ingliżi u Taljani u l-aktar li jiġu impurtati affarijiet f’Malta huma mir-Renju Unit u mill-Italja.

    Il-konsumaturi għandhom rwol importanti biex nassiguraw li dan il-geo-blocking jispiċċa wkoll fir-realta’.  Jekk tkunu tafu b’xi website Ewropea li għadha qed tagħmel geo-blocking tajjeb li tinfurmaw lill-Għaqda tal-Konsumaturi fuq info@camalta.org.mt .

    N0 SHOW

    Le, din il-frażi m’għandha x’taqsam xejn ma’ xi show.  Din għandha x’taqsam mal-linji tal-ajru.  Bħal kull kumpanija oħra, il-kumpaniji tal-ajru kull meta jbiegħu biljett miegħu jorbtu kundizzjonijiet.  Ma nafx min jaqrahom għax ħafna drabi dawn ikunu twal.  Barra minhekk lanqas jekk taqrahom għandi dubju kemm tifhimhom għax ikunu mimlija jargon legali jew tal-industrija li tkun qed tbiegħ l-oġġett.  

    Fost il-kundizzjonijiet hemm waħda li tissejjaħ ‘no show’.  Din il-kundizzjoni tapplika meta passiġġier li jkun qata’ biljett tal-ajru bir-return, għal xi raġuni ma jużax l-ewwel trip.  Mhux l-ewwel darba li jiġri li fl-aħħar mument jinqalgħalek xi ħaġa serja li ma tkunx tista’ tmur bl-ewwel titjira li jkollok fuq il-biljett.  Hi ħaġa komuni li meta jiġri hekk tixtri biljett ieħor one way biex int għallanqas tista’ tmur parti mill-vjaġġ li int tkun ippjanajt.  Għal-linji tal-ajru din hi ‘no show’.  

    Jiġri li tassumi li t-titjiriet l-oħra fuq il-biljett tkun tista’ tużahom.  Imma din il-kundizzjoni ma tħallikx tuża l-bqija tat-titjiriet fuq il-biljett.  Il-kundizzjoni ‘no show’ mhux ta’ kull linja tal-ajru hi l-istess.  Hemm minn jgħidlek li tkun tlift kollox u jkollok terġa’ tħallas.  Hemm oħrajn li jimponu multa.  Hemm oħrajn li jekk int tavżahom u tgħidilhom li int ser tuża it-titjiriet l-oħra, ma jkollokx problemi.

    Biss din il-kundizzjoni mhix ġusta.  Ir-raġuni hi sempliċi.  Il-konsumatur ikun ħallas għat-titjiriet kollha u għalhekk hu inġust li dawk it-titjiriet li tista’ tuża ma jħallukx tużahom jew jagħmlulek kundizzjonijiet. Anki l-aħħar tip ta’ kundizzjoni li semmejt hi inġusta.  Dan għaliex ftit huma dawk il-passiġġieri li jafu b’din il-kundizzjoni.  Barra minhekk f’każi oħra l-loġika tirbaħ.

    Biex tara kemm hi inġusta immaġina li int krejt karozza għal ġimgħa.  Jiġri xi ħaġa u ma tkunx tista’ tmur għaliha l-ewwel ġurnata.  Kif tmur it-tieni ġurnata ma jkunux iridu jagħtuk il-karozza għall-bqjja tal-ġimgħa minkejja li int tkun ħallast għaliha.  Naħseb li ma hawn ħadd li jaċċetta din il-kundizzjoni. 

    Fil-każ tal-linji tal-ajru l-konsumaturi ma jipprotestawx għal din il-kundizzjoni għaliex ma jkunux jafu biha.

    Din is-sitwazzjoni mhux f’Malta biss iżda mad-dinja kollha.  Xorta mhux aċċettabbli u għalhekk ħafna mill-għaqdiet tal-konsumaturi Ewropej qed jieħdu azzjoni.  Hemm min qed imur il-qorti għaliex din hi kundizzjoni inġusta.  F’Malta l-Għaqda tal-Konsumaturi kitbet lill-MCCAA, l-awtorita’ responsabbli mill-Affarijiet tal-Konsumaturi biex tiċċekkja dawn il-klawsoli tal-linji tal-ajru li joperaw minn Malta.  Fl-istess ħin, l-Għaqda qed tissieħeb ma’ għaqdiet oħra tal-konsumaturi Ewropej u taħt il-kappa tal-BEUC, li hi l-Għaqda tal-Konsumaturi Ewropej, biex issir pressjoni fuq  il-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni u ma tippermettix kundizzjonijiet inġusti bħal dawn ( http://camalta.org.mt/ca-malta-unfair-airlines-no-show/).  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook