PRONOSTKI... KAMPANJA... SIĠAR

  • Diċ 13, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    PRONOSTKI

    Fi ħdan iż-żona tal-ewro kiber inkwiet dwar pronostku li sejjer żmerċ: ir-rata tat-tkabbir ekonomiku għat-tielet kwart ta’ dis-sena ħarġet anqas minn dik imbassra. Dan qed jipperikola l-miri li l-Kummissjoni Ewropea poġġiet għall-pajjiżi membri taż-żona fir-rigward tat-tmexxija finanzjarja tagħhom.

    Raġuni għar-riżultati anqas sbieħ milli mistennija jintqal li hi l-inċertezza politika u ekonomika, in parti minħabba l-aġir tal-Amerikani favur il-protezzjoniżmu u l-konfront bejnhom u ċ-Ċina. Żviluppi politiċi fost il-pajjiżi Ewropej infushom fl-aħħar ġimgħat jistgħu qed isaħħu t-tendenzi ta’ dwejjaq fit-tmexxija ekonomika taż-żona.

    Nibqa’ dubjuż dwar it-triq li qed insegwu bħalissa fit-tmexxija ekonomika – dik li nqisu l-ekonomija qisha ajruplan li jrid jitmexxa skont numri li jkejlu kif qed iduru l-muturi li jmexxuh u jabbinawhom ma’ numri dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-ajru u l-kondizzjonijiet atmosferiċi li jiltaqa’ magħhom waqt li jtir.  Ir-realtà ekonomika u soċjali hi ħafna aktar komplikata minn hekk.

    Kurżità f’dan kollu: it-tkabbir ekonomiku Malti sploda ’il fuq waqt li tal-oħrajn għotor. Dnub li aħna daqshekk żgħar għax is-suċċess Malti ma kellu l-ebda impatt fuq ir-riżultati ekonomiċi tal-żona tal-ewro kollha.

    KAMPANJA

    Qbilt li noħroġ kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej ta’ Mejju li ġej u qisni mort lura bi flexbekk fil-kampanja li kont għamilt l-ewwel darba li ħriġt għal elezzjoni parlamentari. Dik tas-sena 1987.

    Kont ħallejt għal tard wisq, mhux l-anqas għax bħala President tal-Partit Laburista kif kont dak iż-żmien, kelli responsabbiltajiet oħra li ma stajtx u ma ridtx inwarrab. Kelli għalhekk nara kif se nwassal il-messaġġ b’rizorsi limitati, l-aktar ta’ nies li joffru l-għajnuna tagħhom. Biss l-aktar iebes f’sitwazzjoni hekk issib li hu n-nuqqas ta’ żmien biex fih titlaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ familji u kostitwenti. Minn laqgħat bħal dawn, wieħed jieħu s-sentiment ta’ xinhu għaddej tassew fost il-poplu. Anqas ma jkollok ħin għalihom, anqas jista’ jkollok kampanja effettiva.

    SIĠAR

    Ma smajniex wisq aktar fl-aħħar ġimgħat dwar il-qagħda tas-siġar f’pajjiżna. Baqgħu jiġu sagrifikati għall-ħtieġa li jkollna totorq usa’? Inżammu l-wegħdi li saru biex jitħawlu siġar ġodda minflok dawk li kellhom jinqalgħu?

    Il-problema f’qasam bħal dan hu ta’ kif se żżomm sorvelja serja fuqu. Jekk tħalliha f’idejn il-gvern, hu min hu, se ssib li l-problema tintesa jew tinżamm ħajja skont l-esiġenzi tad-dibattitu politiku, hekk kif jiċċaqlaq minn xahar għall-ieħor.

    Jekk tafda f’idejn il-volontarjat, ikollok riżultati siewja sakemm ikunu qed imexxu nies li ġenwinament jimportahom. Meta jmutu jew iwarrbu, l-attiviżmu jistaġna. Dar-riskju jibqa’ hemm – forsi jiżdied – meta l-istess volontarjat ikun imwieżen minn xi sussidju tal-istat.  

                           

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook