GĦOLI TAL-ĦAJJA GĦAŻ-ŻGĦAR

  • Diċ 17, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-aħħar indiċi tal-prezzijiet miżmum skont il-metodoloġija tal-Unjoni Ewropea (l-HICP) donnu jikkonferma kif l-għafsa fiż-żieda tal-prezzijiet l-aktar li qed tolqot hu lil min għandu dħul baxx jew “medju-baxx”. L-ogħla rati ta’ żieda fil-prezzijiet fuq sena sa Novembru 2018, inħassew fl-oqsma tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku; u dak tal-ħwejjeġ u ż-żraben, b’żieda ta’ 3.5 fil-mija u ta’ 2.7 fil-mija fis-sena. Kważi fl-istess ilma kien is-settur tal-“housing”, dawl u ilma b’żieda ta’ 2 fil-mija. Oqsma oħra urew żidiet anqas sew minn hekk, jew tnaqqis fil-prezzijiet.

    Issa s-setturi b’din l-ogħla żieda jieħdu piż akbar fil-baġits tal-familji fqar jew mhux daqstant għonja... taż-żgħar... milli f’ta’ min sejjer tajjeb. Biex tagħqad il-metodoloġija tal-UE tagħti piż mhux ċkejken lill-prezzijiet tar-ristoranti u l-lukandi – ħaġa li għall-popolazzjoni ta’ pajjiż kbir tagħmel sens, imma sens ħafna anqas f’wieħed ċkejken bħal tagħna. Statistikament, l-effett taż-żieda fl-oqsma l-oħra jkompli jittaffa minħabba f’hekk.

    Forsi wasal iż-żmien għal indiċi tal-prezzijiet li jkopri biss in-nefqa taż-żgħar.

    TERRORIŻMU?

    Fl-Istati Uniti fl-aħħar sena u aktar seħħew diversi każi ta’ sparaturi qerrieda. Wettquhom kriminali jew nies li jsofru b’xi problema mentali; maġġoranza tagħhom ma tqisux bħala attakki terroristi kif nużaw il-kelma fl-Ewropa. 

    L-attakk ta’ Strasburgu ta’ ġimgħa ilu twettaq minn kriminal xieref , imfittex mill-pulizija. Iggranfa mal-“għajta” tal-Islam biex “jiddekora” l-attività kriminali u suwiċidali tiegħu. Niddubita kemm dil-ħidma tista’ titqies bħala terroriżmu jew li bilfors timmarka tiġdid tal-ħidma terroristika organizzata fl-Ewropa minn fonti estremisti Islamiċi.

    Din l-aħħar possibiltà għandha tinżamm fil-mira. Imma ma jaqbilx li titqies bħala l-unika waħda għall-kunsiderazzjoni.

    FUĦĦAR

    L-aħħar għażla li Joe Friggieri ippublika ta’ stejjer f’“Il-Fiera tal-Fuħħar” hi l-aħjar waħda mit-tlieta li dehru sa issa fl-istess sensiela. Nibqa’ dubjuż minn dan it-tip ta’ rakkont-anedott għax jista’ jibqa’ wisq effimeru. Biss f’din l-għażla, numru sostanzjali mill-“anedotti” jsostnu l-ambigwità meħtieġa biex din il-ħaġa ma tiġrix.

    Ukoll, il-kwalità tal-kitba... anki f’dak li jista’ jitqies bħala effimeru... hi eċċellenti, għadilli dik ġrat ukoll fl-għażliet l-oħra. Friggieri jimmira bi ftit pinzellati li joħloq rakkont li jkun ukoll qisu poeżija. Hi sfida impossibbli forsi: li fi ftit kliem, torbot lemħa mill-ħajja ma’ storja. Anedott irid ġrajja, poeżija mhux bilfors. It-tnejn għandhom “regoli” differenti anke jekk it-tnejn jistgħu jispiċċaw sempliċement tibniet mar-riħ. 

    F’dil-ġabra, Il-Fiera tal-Fuħħar, Ittri lil Marta, Pjazza Regina fost oħrajn  joħolqu rankatura ta’ narrattiva li tilqa’ għal dawn l-esiġenzi. Xorta nibqa’ naħseb li Joe messu jilqa’ issa l-isfida li jidħol għal narrattiva b’nifs twil.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook